F’dawn ix-xhur li ġejjin, pazjenti b’ċertu dijanjosi mediċi u kirurġiċi ser ikunu qed jinqdew minn sptarijiet privati filwaqt li jħallas il-Gvern.
Dan hekk kif ngħata bidu għall-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u tlett sptarijiet privati għall-outsourcing ta’ servizzi ta’ emerġenza.
Inizjattiva, li ser tikkumplimenta s-servizzi li jingħataw mill-Isptar Mater Dei, fejn pazjenti b’kundizzjonijiet mhux kumplikati ser jiġu mgħotija s-servizzi meħtieġa, inkluż operazzjonijiet, fis-settur privat.
Propju dwar dan tkellimna mal-konsulent radjoloġista u d-direttur Mediku fl-Isptar Mater Dei, Dr Kevin Cortis, li spjega li dan qiegħed issir fl-istess waqt li Malta, flimkien ma’ pajjiżi oħra, bħalissa qed jesperjenzaw żieda fil-mard respiratorju li jkun ġej mill-infezzjonijiet.
“Qegħdin nużaw ir-riżorsi li hawn fil-gżejjer Maltin u Għawdxin. Dan jinkludi l-isptarijiet privati, fejn intlaħaq ftehim li jipprovdu ammont ta’ sodod li jvarja kuljum sabiex każijiet li jistgħu jieħdu l-kura tagħhom fl-isptarijiet privati jmorru hemmhekk. Ovvjament il-każijiet huma iffiltrati, mhux kull każ irrid imur hemmhekk.”
KELVIN CORTIS
Dr Cortis spjega li dan qed isir anke sabiex fix-xhur tax-xitwa, l-Isptar Mater Dei jkun jista’ jiffoka fuq każijiet serji, anke dawk assoċjati ma’ mard staġjonali.
“Każijiet li ma għandhomx bżonn ċertu livell ta’ kura, jiġifieri nies li huma stabbli. Mhux qed nibgħatu nies li irridu jidħlu l-ITU eżempju, nies stabbli biżżejjed li jistgħu jieħdu l-kura tagħhom f’dawn l-isptarijiet li għandhom kull faċilità ħlief fl-ITU.”
KELVIN CORTIS
Din il-kollaborazzjoni diġà bdiet tajjeb ħafna hekk kif propju fl-ewwel jum tagħha diġà saru żewġ interventi kirurġiċi b’suċċess f’wieħed minn dawn l-isptarijiet.
Dwar l-importanza ta’ din il-kollaborazzjoni tkellimna mal-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela li spjega li din hija l-ewwel fażi ta’ dan il-ftehim.
“Dan huwa importanti ħafna f’dawn il-ġranet tax-xitwa sabiex l-Isptar Mater Dei, jiffoka fuq każijiet iktar serji u kumplikati. ”
JO ETIENNE ABELA