“Irridu Ġustizzja li ma tintużax bħala arma ta’ persekuzzjoni, imma bħala għodda għat-tfittxija tal-verità u l-ġustizzja.”
Hekk sostna l-Ministru tal-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard meta kien qed jitkellem dwar ir-riforma tal-inkjesti f’dibattitu politiku fuq l-RTK.
Il-Ministru Attard saħaq li l-Gvern irid jara li jsaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini, billi jirresponsabbilizza l-proċess tal-inkjesti biex dak il-mezz ma jintużax b’mod abbużiv minn min irid iwettaq persekuzzjoni politika.
Il-Ministru Attard spjega wkoll kif din ir-riforma se tkun xprunata minn elementi oħra li kemm-il darba tkellem fuqhom, inkluż d-dritt li safejn hu legalment possibli, il-familjari tal-vittma jew il-vittma stess, ikollom viżibbiltà ta’ safejn wasal il-proċess.
Semma kif l-akbar prova li hemm bżonn li l-process ikun regolat huwa l-fatt li l-Avukat Jason Azzopardi, li fetaħ sensiela sħiħa ta’ inkjesti privati, b’din il-ġimgħa stess jammetti li ma qalx il-verità fuq is-Segretarju tal-kabinet, minkejja li 6 xhur wettaq attakk viljakk fil-konfront tiegħu fejn saħanistra kien talbu jissospendi ruħu. “Immagina kieku ssuġġettah għal inkjesta intortament”, saħaq jistaqsi l-Ministru Attard.
Huwa qal li l-Gvern determinat li jimplimenta riforma li tindirizza dak l-abbużi, li l-istess Partit Nazzjonalista fil-Gvern kienu pruvaw jindirizzaw 20 sena ilu fil-liġi, imma li llum qed jirriżulta bl-aktar mod ċar li mar rmexxilhomx.
Semma fost l-oħrajn kif il-Ministru Nazzjonalista Tonio Borg dak iż-żmien kien qal fil- Parlament li dawn l-inkjesti ma kellhomx jintużaw biex issir persekuzzjoni, li ma kellhomx ikunu bbażati fuq x’kiteb xi ħadd, jew li sema’ xi ħadd u wisq anqas kellhom ikunu suġġetta għall-għażla ta’ min iressaq it-talba quddiem liem ġudikant tiġi.
Dan huwa proprju dak li qed iseħħ illum u għalhekk hemm bżonn li b’responsabbità ssir r-riforma meħtieġa, liema riforma se tkun qed tieħu wkoll kont tal-esperti, qal il-Ministru Attard.