Il-ħidma tal-Gvern se tkompli tkun iffukata wkoll fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin b’mod partikolari biex tiġi faċilitata ħajjet iċ-ċittadini permezz ta’ aktar investiment.
Kliem il-Prim Ministru Robert Abela f’żewġ żjarat li għamel, waħda fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn inawgura apparat mediku ġdid u fiż-żjara l-oħra fil-proġett tal-Multi-Modal Hub ta’ Xħajma, fil-limiti tax-Xewkija.
Fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-investiment li sar fi state-of-the-art CT Scanner li huwa biss it-12-il apparat innovattiv li jinsab fl-Ewropa. Apparat li juża wkoll l-intelliġenza artifiċjali u jżid l-preċiżjoni fid-dijanjosi. Dan l-apparat jingħaqad ma’ apparat mediku ieħor fil-qasam tar-radjografija fosthom MRI u ultrasound ġdid.
Ġie spjegat ukoll kif fix-xhur li ġejjin se jkunu introdotti servizzi oħra fil-qasam tar-radjografija biex tissaħħaħ il-kura tas-saħħa f’Għawdex. Preżenti, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega kif biż-żieda tas-CT scanner ġdid, l-Isptar Generali t’Għawdex issa għandu kullana ta’ tagħmir modern li joffri servizz t’eċċellenza.
Il-Prim Ministru żar ukoll il-proġett ta’ sistema ta’ Park & Ride f’Ta’ Xħajma fejn qed jingħata servizz importanti lill-Għawdxin li jaqsmu l-fliegu u jħallu l-vettura tagħhom f’dan il-post qabel jitwasslu b’mod effikaċi lejn il-port tal-Imġarr. Is-sit ġie riġenerat minn art li kienet tintuża għar-rimi illegali ta’ skart għal faċilità tat-trasport b’mod sostenibbli li fih għanijiet ambjentali u jgħin fl-amministrar aħjar tat-traffiku.
Il-proġett ta’ 24,000 metru kwadru jiflaħ għall-parkeġġ ta’ 300 vettura u fih hemm ukoll charging points għall-vetturi elettriċi. Hawnhekk, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri spjega kif il-proġett b’terminal modern u faċilitajiet oħra huwa moqdi wkoll b’servizz ta’ sitt karozzi tal-linja elettriċi li jwasslu lin-nies b’sistema ta’ Park & Ride.