Teatru Malta u seba’ teatri Ewropej stabbiliti niedew il-proġett internazzjonali Drama of Smaller European Languages (DoSEL), kofinanzjat mill-UE.
L-għan hu li jżid ir-rikonoxximent u l-aċċessibbiltà ta’ xogħlijiet drammatiċi f’lingwi Ewropej iż-żgħar, fosthom il-Malti, u jħeġġeġ għal aktar rappreżentazzjoni tagħhom.
Id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta, Sean Buhagiar, esprima l-apprezzament tiegħu għar-rwol tal-kumpanija fil-proġett, li joffri opportunità li jagħti vuċi u vitalità lir-rikkezza tal-lingwa Maltija.
“Il-Malti hu t-taħbit tal-qalb tagħna. Permezz tat-teatru, nistgħu nagħtuha vuċi kontemporanja,” qal Buhagiar.
Il-proġett DoSEL jinvolvi workshops ta’ traduzzjoni u residenzi artistiċi. L-attivitajiet se jinkludu preżentazzjonijiet internazzjonali, fosthom il-55 Ġimgħa tad-Drama Slovena f’Marzu 2025 u Festival Internazzjonali tat-Teatru f’April tal-2026 f’pajjiżna stess.
L-inizjattiva, li se tkompli sas-sena li ġejj, tippromwovi l-koperazzjoni internazzjonali u l-kitba drammatika f’lingwi Ewropej iż-żgħar, b’24 traduzzjoni ġdida ta’ drammi f’lingwi Ewropej.
Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq www.dosel.eu.