Tnax-il xufier ta’ vetturi Y-Plates twaqqfu u ġew ikkonfiskati l-vetturi li kienu qegħdin isuqu. Dan waqt spezzjonijiet li għamlu uffiċjali ta’ Transport Malta fiż-żona tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fost oħrajn.
Il-Ħamis filgħaxija, crew ta’ ONE News kien preżenti hekk kif dawn l-uffiċjali bdew iwaqqfu kull vettura Y-Plate. Hawnhekk l-uffiċjali bdew jiċċekkjaw jekk humiex regolari mal-liġi jew le.
Minkejja li, fil-maġġoranza tagħhom, il-vetturi nstabu li kienu qegħdin kif suppost, inqabdu numru ta’ xufiera li kienu qed jisfidaw il-liġi.
ONE News jinsab informat li hemm każi fejn xufiera tal-Y-Plates ikunu qed jagħmlu xogħol li ma jidhirx u mhux f’isem kumpanija li tipprovdi dan is-servizz.
Il-vetturi li nqabdu joperaw kontra l-liġijiet ittieħdu f’idejn Transport Malta.
Tali spezzjonijiet mill-awtorità responsabbli saru bil-għan li jitnaqqas l-abbuż fit-toroq u biex bil-lejl ma jkunx hemm vetturi Y-Plates mhux iggaraxxjati.
Dawn l-ispezzjonijiet saru fl-istess jum li, fit-Times, tħabbar li b’riżultat tar-regolamenti li ddaħħlu sentejn ilu għal dawn it-tip ta’ vetturi, madwar 900 vettura jew 20% tal-vetturi kollha kellhom jieqfu joperaw minħabba li ma kinux konfermi mal-liġi. B’dawn il-vetturi jridu ggaraxxjati fil-ħin li ma jkunux fis-servizz.
Waqt l-aħbarijiet ta’ ONE, il-Ħamis filgħaxija, il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett ħabbar li Transport Malta kienet bdiet bl-azzjonijiet.
“Bħalissa, hekk kif qed nitkellmu, għaddej l-inforzar ukoll, jiġifieri hemm l-inforzar ta’ Transport Malta, li qed jaraw li dawk il-karozzi li mhux suppost qegħdin joperaw, effettivament ma joperawx. Jekk isibu karozza li mhux suppost qegħda hemm jieħdu l-passi neċessarji biex dik il-karozza titneħħa. Irridu lil kulħadd jaħdem, irridu lil kulħadd juża s-servizz tal-Y-Plates, għax is-servizz tal-Y-Plates hu tajjeb, però fil-parametri tal-liġi u jirrispettaw ir-regolamenti li hemm.”
Il-Ministru Chris Bonett