L-Italja tat l-approvazzjoni tagħha biex jiġi żviluppat it-tieni interconnector ma’ pajjiżna, hekk kif inħareġ il-permess mill-Ministeru għall-Ambjent u s-Sigurtà tal-Enerġija Taljan. Dan se jippermetti lil Malta biex tiżviluppa t-tieni interconnector fit-territorju Taljan.
Il-proġett tat-tieni interconnector jinkludi cable tal-elettriku ta’ 122 kilometru li jaħdem b’vultaġġ għoli ta 220 kilo volts. Il-proġett jinkludi sezzjoni ta’ cable sottomarin b’tul ta’ 99 kilometru.
It-tieni interconnector ta’ pajjiżna qed jiġi kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021-2027, wara li ġie kklassifikat bħala operazzjoni ta’ importanza strateġika.
Il-finanzjament jammonta għal €165 miljun u se jkopri aktar minn nofs l-ispejjeż totali tal-investiment li huma stmati li jlaħħqu t-€300 miljun.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli laqgħet dan il-pass importanti fit-triq li se twassal biex il-proġett jitwettaq sas-sena d-dieħla.
“Fil-fatt, l-għoti tal-permess min-naħa tal-Italja għat-tieni interconnector, li se jgħaqqad Sqallija ma’ Malta huwa pass importanti ħafna fit-twettiq ta’ dan il-proġett u għalina, it-twettiq ta’ dan il-proġett huwa essenzjali fil-viżjoni li għandna ta’ enerġija aktar nadifa għaliex dan il-proġett jorbot ukoll mal-PQQ li għadna kif ħriġna propju lejn l-aħħar tas-sena dwar proġetti tar-riħ fuq il-baħar u jorbot ukoll mal-proġetti li qegħdin naħdmu biex ikollna l-batteriji għall-ħażna tal-enerġija.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Dan kien l-aħħar pass fil-proċess ta’ dan l-iżvilupp wara li wkoll intemm b’suċċess il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati u r-reġjun Sqalli ta l-approvazzjoni tiegħu għall-proġett. Spjega aktar dwar l-Inġinier Joseph Vassallo minn Interconnect Malta.
“Interconnect Malta diġà ħarġet tenders għax dawn ix-xogħlijiet u beda x-xogħol ta’ inġinerija u anki tal-ordni ta’ materjal għal cabelling works fl-Italja.”
Joseph Vassallo, Inġinier, Interconnect Malta
Minbarra dan, Interconnect Malta qed taħdem ukoll fuq is-sistemi ta’ ħażna tal-enerġija tal-batteriji u qed timmaniġġja l-proċessi għall-proġett tal-wind farm f’wiċċ il-baħar mat-12-il mil nawtiku lil hinn mill-kosta.