Fi stqarrija Transport Malta qalet kif din is-sena tinsab impenjata wkoll biex toħroġ skemi finanzjarji ħalli f’pajjiżna jkollna sistema tat-trasport aktar sostenibbli.
Fost l-oħrajn issemmew skemi ta’ għotjiet finanzjarji tal-iskrappjar, li jinċentivaw ix-xiri ta’ vetturi u muturi elettriċi, inkluż pedelecs ġodda, għal persuni, organizzazzjonijiet volontarji u impriżi.
Fi stqarrija Transport Malta qalet kif il-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu b’investiment ta’ madwar €34 miljun mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza.
L-awtorità nnotat kif l-għotjiet approvati dwar dan fl-2022 kienu ta’ 1,375, li telgħu għal 2,414 fl-2023, u li, imbagħad, qabżu l-4,355 is-sena li għaddiet. B’hekk t-total ta’ investiment li sar f’għotjiet għal iżjed minn tmint elef vettura elettrika ġdida fit-tliet snin li għaddew qabeż id-€69 miljun.
Fost l-inizjattivi u għotjiet mħabbrin għall-2025 ukoll hemm l-iskema għax-xiri ta’ vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku, fejn kull min jixtri vettura jew mutur simili se jkun intitolat għal għotja li tlaħħaq it-tmint elef ewro, skont taħt liema skema jaqa’. Vetturi b’valur ta’ aktar min €100,000 mhu se jkunu intitolati għall-ebda għotja.
Dan kollu se jkun ukoll abbinat ma’ skema tal-iskrappjar, li tlaħħaq l-elf ewro. Se tinżamm ukoll l-għotja addizzjonali ta’ €1,000 fuq skrappjar ta’ karozzi antiki rreġistrati f’Għawdex, skont il-kundizzjonijiet imħabbra fil-Baġit għall-2021.
Ingħad li aktar informazzjoni dwar kif se taħdem din l-inizjattiva se tkun ippubblikata u disponibbli fis-sit ta’ Transport Malta.