Fl-aħħar erba’ ġimgħat, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal investa €154 miljun f’pensjonijiet u benefiċċji biż-żidiet imħabbrin fil-Baġit 2025.
Dan se jwassal biex, sal-aħħar ta’ din is-sena, l-investiment soċjali fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali jlaħħaq l-€1.6 biljun – l-akbar investiment ta’ kull żmien.
Ħabbar dan il-Ministru Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjega li l-investiment f’benefiċċji għal familji bit-tfal u familji bi dħul baxx jew medju ttrippla minn €50 miljun fl-2013 għal madwar €152 miljun sa din is-sena.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll kif pensjonanti romol se jirċievu l-ewwel pagament tal-pensjoni miżjuda għal din is-sena, filwaqt li se jingħataw ukoll benefiċċji oħrajn, bħal dawk tal-mard, tal-qgħad u għal dawk li sofrew korriment fuq il-post tax-xogħol.
Is-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru, Mark Musù, spjega li b’kollox hemm 18,044 romol li se jitħallsu aktar minn €17-il miljiun fl-ewwel erba’ ġimgħat tas-sena. Il-pagamenti jinkludu ż-żieda ta’ €8 fil-ġimgħa.
Dan filwaqt li 9,414-il persuna se jitħallsu aktar minn €1.4 miljun f’Assistenza għal Mard, b’1,091 persuna li qed jitħallsu benefiċċji kontributorji temporanji oħrajn minħabba mard, korriment jew qgħad temporanju.
Dan filwaqt li dawk li qed jitħallsu għall-Assistenza għal Qgħad, niżlu għal 212, li hu l-aktar numru baxx ta’ benefiċċjarji ta’ din l-assistenza ta’ kull żmien.
“B’kollox f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat għamilna b’madwar €154 miljun f’pagamenti: pensjonijiet u benefiċċji, li jinkludu żidiet imħabbrin fil-baġit u sal-aħħar tas-sena se nilħqu l-€1,600 miljun f’benefiċċji u pensjonijiet.”
Mark Musu, Segretarju Permanenti
Il-Ministru Falzon qal kif bdejna sena oħra u r-ruħ soċjali tal-Gvern issaħħet.
“Investiment ta’ €154 miljun f’erba’ ġimgħat. Mira li ninvestu direttament fil-bwiet tan-nies, €1,600 miljun din is-sena. Dik hi l-viżjoni soċjali tal-Partit Laburista fil-Gvern. Dejjem hekk kienet u dejjem hekk ħa tibqa’, inkunu Gvern tan-nies u li nkunu Gvern man-nies.”
Il-Ministru Michael Falzon
.