Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonnet, u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba, għamlu żjara lill-entità governattiva Malta Air Traffic Services, il-MATS, li hi responsabbli għat-traffiku tal-ajru kollu f’pajjiżna.
Hawnhekk, filwaqt li ltaqgħu mal-ħaddiema kollha minn kull dipartiment, setgħu jinnotaw is-suċċess li qed isir, fejn sena wara oħra qed jiġi rreġistrat rekord ta’ traffiku ta’ ajruplani li jinżlu u jitilqu mill-mitjar Malti u jgħaddu minn fuq it-territorju nazzjonali.
Fil-preżenza anke tal-Kap Eżekuttiv tal-MATS, il-Perit Claude Mallia, il-Ministru Bonnet tkellem dawn il-ħidma ma taqta’ xejn minn dawn il-ħaddiema u kif il-Gvern se jibqa’ jinvesti fihom u fis-settur.
“Xi ħaġa li se nkomplu naħdmu fuqha, ovvjament biex tkompli għaddej b’dan il-perkors trid tibqa’ attraenti bħala pajjiż u rrid insellem lill-ħaddiema kollha li m’għandhomx xogħol faċli, iżda xogħol li ma jidhirx, iżda ferm importanti għal dan il-pajjiż.”
Il-Ministru, Chris Bonnet
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej Laburista nnota l-investiment li qed isir fil-ħaddiema biex ikollhom kundizzjonijiet xierqa.
“Kienet opportunità llum biex nifhmu aħjar ix-xogħol li qed isir, imma wkoll l-investiment li sar u se jkompli jsir kemm fit-taħriġ tal-ħaddiema, kemm fil-kundizzjonijiet tagħhom, imma wkoll fl-equipment li jintuża, mhux biss radars, imma l-equipment li huwa tant importanti biex naraw li t-territorju tal-ajru tagħna u l-infrastruttura tkun waħda sigura.”
Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba
Din iż-żjara hi parti minn sensiela li qed jagħmlu rappreżentanti tal-Partit Laburista f’diversi oqsma biex jisimgħu mingħand in-nies, fit-toroq, fil-ħwienet u fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom.