Quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti, f’Awla 19, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat issokta jixhed rigward l-inkjesta Vitals tal-Maġistrat Gabriella Vella.
F’din is-seduta, l-eks Prim Ministru ġie mistoqsi mill-avukat Charlon Gouder fuq l-involviment tiegħu f’din l-inkjesta, kemm matul iż-żmien tal-konċessjoni tal-isptarijiet, kif ukoll wara.
B’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet, hu elenka kif kien hemm sejħa għall-isptarijiet, li setgħet ingħata lil kwalunkwe kumpanija jew konsorzju, għax ma kienx hemm rabta partikolari.
L-esperti tal-Gvern ma kienu raw l-ebda nuqqasijiet fil-business plan ta’ Stewart Healthcare, waqt li l-Gvern Amerikan ukoll kien appoġġja l-handover tal-isptarijiet mingħand Vitals.
Ġie rrimarkat li, kemm fit-talba oriġinali u anke t-tieni talba, l-isem Joseph Muscat ma jissemma mkien. Għaldaqstant, hu elenka l-fatt li spiċċa attur prim f’inkjesta li lanqas biss jissemma fiha, filwaqt li d-drittijiet tiegħu ma ġewx salvagwardjati.
Minkejja li l-Pulizija setgħet tagħmel dan, il-Maġistrat Vella enfasizzat biex il-Pulizija jimxu taħt id-direzzjoni tagħha u dan kien ifisser li l-Kummissarju jiġi kkmandat. Għaldaqstant, Muscat tenna li hu spiċċa f’sitwazzjoni fejn kien qed jiġi investigat bla ebda dritt li jagħmel punt u spiċċa allegat li hu kap ta’ organizzazzjoni kriminali. Dan filwaqt li ma kellux gwardja waħda tal-liġi.
Fix-xhieda tiegħu, Muscat semma kif il-leaks ta’ ċerti kummenti mill-Qorti wasslu biex in-nies tonqsilhom il-fiduċja fil-proċess li qed isir. Dan kollu wassal għal ċirku vvizzjat, bl-għaqda Repubblika twieġeb għar-rikorsi mingħajr nies ma kinux notifikati.
Dawn il-leaks ittrasformaw ruħhom f’kummentarju dirett ta’ dawk li kienu qed jgħidu l-esperti u, aktar minn hekk, fl-aħħar tal-inkjesta tħabbar leak qabel numru ta’ files marru għand l-Avukat Ġenerali.
Waqt li innota li ħdax-il miljun ewro ntefqu fuq rapport dilettantesk b’referenza għall-inkjesta, Muscat semma wkoll kif l-esperti maħturin ġarrew ħafna dubji fuqhom, għax uħud ma kellhomx il-kwalifiċi u l-liċenzji neċessarji biex jagħmlu xogħolhom.