Wara kważi 50 sena ta’ kontribuzzjonijiet lejn il-komunità sportiva Maltija, Birkirkara St. Joseph Sports Club ħabbar li se jwaqqaf l-operat tiegħu.
Il-Club kien entita apprezzat fix-xena sportiva lokali, fejn organizza avvenimenti multisport popolari, fejn membri pparteċipaw f’avvenimenti lokali u barranin, u għen fl-iżvilupp ta’ bosta atleti. Matul l-istorja twila tiegħu, il-Club kien pijunier fl-għawm open water f’Malta u organizza tiġrijiet tat-triathlon għal żmien twil, inklużi kampjonati nazzjonali u avvenimenti ta’ kwalifikazzjoni għal kompetizzjonijiet internazzjonali.
Madankollu, bidliet fl-ambitu sportiv u żieda fir-rekwiżiti amministrattivi għamluha dejjem aktar diffiċli biex jinżammu l-istandards għolja fl-operat tal-Club, ħaġa li dejjem stinka għalihom il-Club.
Il-President Raymond Grech innota li, filwaqt li governanza tajba hija essenzjali, it-talbiet burokratiċi li qed jiżdiedu fuq organizzazzjonijiet volontarji żiedu l-piż fuq ir-riżorsi tal-Club. Barra minn hekk, l-espansjoni tal-kalendarju ta’ avvenimenti sportivi, kemm lokalment kif ukoll internazzjonali kkontribwiet għal kompetizzjoni akbar għal parteċipazzjoni u appoġġ lejn dawn l-avvenimenti. Wieħed irid jiftakar li l-fergħa organizzattiva tal-Club, amministrat medja ta’ għoxrin avveniment annwali matul l-aħħar 25 sena.
Il-Club iħares lura lejn il-kisbiet tiegħu u s-sens ta’ komunità li bena u kkultiva matul is-snin b’mod kburi.
“Aħna kunfidenti li l-kontribuzzjoni tal-Club għall-iżvilupp tal-isport f’Malta, kif ukoll ir-rwol tiegħu biex jgħaqqad in-nies, se tibqa’ legat li jibqa mfakkar fit-tul,” irrimarka Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali tal-Club.
Fl-aħħar rimarki tiegħu, il-President Grech irringrazzja lill-federazzjonijiet nazzjonali relatati, entitajiet governattivi, sponsors, voluntiera, membri tal-kumitat, atleti, u sostenituri li kienu parti mill-vjaġġ twil tal-Club. “Ninsabu grati ferm lejn kull min b’xi mod jew ieħor kkontribwixxa għas-suċċess tagħna matul is-snin u nittamaw li l-impatt pożittiv tal-Club jibqa’ jinħass fil-komunità sportiva ta’ Malta,” ikkonkluda Grech.