F’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għax-Xogħol Byron Camilleri ppreżentaw id-dokument għall-konsultazzjoni pubblika bil-għan li jirriforma l-mod kif jiġu f’pajjiżna ħaddiema minn pajjiżi terzi, jiġifieri pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.
B’erba’ prinċipji ċari u 32 rakkomandazzjoni f’din il-Malta Labour Migration Policy, il-Gvern qed jgħid li r-riżultat aħħari jridu jkun li jissaħħaħ il-kontroll tal-awtoritajiet Maltin f’dan il-proċess, filwaqt li jtejjeb il-ħarsien tal-ħaddiema kollha. Dan biex filwaqt li tkun rispettata d-dinjità ta’ kull ħaddiem ma jkunx hawn kompetizzjoni inġusta fis-suq tax-xogħol, li tista’ anke tolqot ħażin lill-ħaddiem Malti.
Id-dokument issa jinsab online biex kulħadd ikun jista’ jgħid tiegħu.
Fit-tnedija ta’ din il-politika, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-politika li qed iressaq il-Gvern hi waħda kruċjali għal-livell li jmiss li jrid jilħaq pajjiżna. Il-Prim Ministru fisser kif politika pro-market li hu favuriha l-Gvern tfisser politika ekonomika tajba kemm għan-negozji iżda anki għall-familji. “F’pajjiżna jidħlu biss dawk il-ħaddiema li pajjiżna jeħtieġ u dan il-bżonn jiddeterminawh l-awtoritajiet fuq bażi ta’ kriterji ekonomiċi u soċjali wiesgħa”, qal Dr Abela.
Il-Prim Ministru qal li ’l bogħod mill-populiżmu, dan il-Gvern se jġib bidla importanti oħra bi stabbiltà u appoġġ anki lil min iħaddem b’mod serju. “Aħna lin-negozji rriduhom jikbru, b’ħiliet aħjar biex b’hekk inkomplu naħdmu lejn pajjiż ta’ kwalità”, spjega l-Prim Ministru Robert Abela.
Spjega kif l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi, l-ewwel għandhom igawdu minnhom il-Maltin u l-Għawdxin u finalment jekk xorta jkun hemm ħtieġa ta’ ħaddiema barranin f’setturi differenti, irridu nkunu ċerti li dawn mhux se jiġu sfruttati.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri spjega li dak li hu meħtieġ għal pajjiżna qed inressquh ‘il quddiem. Il-pajjiż tkellem ħafna dwar il-bidla f’dan is-settur, issa l-mument li nwettquha.
“Li rrid nemfasizza hu li din hi riforma ħolistika. Riforma bold, fejn diversi miżuri jikkumplimentaw lil xulxin, u li finalment jgħinuna niksbu r-riżultati li nixtiequ. Ir-riżultati li nixtiequ huma: li jiġu biss ħaddiema fejn meħtieġ u ta’ kwalità, li min ma jirrispettax id-drittijiet tal-ħaddiem, ikun ikkastigat.”
Intqal li dik tagħna hija soċjetà li qed tixjiħ u li llum is-suq tax-xogħol Malti joffri ħafna opportunitajiet, għalhekk hemm setturi li se jkollhom bżonn iktar ħaddiema. Iżda, fl-istess ħin il-proċessi jistgħu jinbidlu biex l-awtoritajiet Maltin jassiguraw iktar kwalità u jkunu kontrollati n-numri għal fejn hemm bżonn biss.
Kien spjegat li l-Gvern jemmen li bil-proposti li qed jipproponi min iħaddem se jkun jaqbillu jinvesti fil-ħaddiema li għandu biex hekk iżid il-kwalità u l-produttività u mhux jibbaża l-mudell tiegħu fuq numri kbar ta’ ħaddiema li jkun irid iġib.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet kien emfasizzat kif dan il-Gvern se jibqa’ jgħin lin-negozji, meta l-mudell tagħhom ikun wieħed li minnu mhux biss igawdu huma, iżda tgawdi wkoll is-soċjetà. Għalhekk il-politika hija waħda msejsa fuq il-ħtieġa ta’ investiment sħiħ fil-ħiliet u n-negozji se jkunu inċentivati u min jieħu dik it-triq eventwalment se jaffaċċja inqas proċessi burokratiċi biex jaqta’ l-frott ta’ dak l-investiment. Anke biex jinvestu fil-ħiliet se jitħabbru iktar għajnuniet.
Fuq kollox, intqal fil-konferenza tal-aħbarijiet, filwaqt li jiġu biss il-ħaddiema li hemm bżonn u fejn hemm bżonn, se jittieħdu miżuri bil-għan li dawn il-ħaddiema ikunu ta’ iktar kwalità u li jifhmu l-ħajja Maltija. Kien spjegat li dawn il-miżuri huma maħsuba biex isaħħu l-kwalità, filwaqt li l-ekonomija tibqa’ tikber b’kunsiderazzjonijiet soċjali ikbar bil-għan li l-Maltin u l-Għawdxin igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-Ministru Byron Camilleri kkonkluda li rridu li dan ikun proċess trasparenti, fejn il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom kull ċans jgħidu tagħhom. Qal, “Dan pajjiżkom, magħkom irridu niddiskutu l-ħin kollu d-direzzjoni fejn irridu noħoduh.Iva, irridu niddiskutu. Ħaġa waħda hija ċerta, li mhux se naċċettaw l-istatus quo. Għax nafu li l-Maltin jemmnu f’din il-bidla. Jien konvint li qed nippubblikaw bażi b’saħħitha wkoll dwar il-kif. Minn hawn jibda proċess ta’ diskussjoni. Nawgura li jkun wieħed matur, fejn nifhmu li fil-pajjiż kollox katina fejn ħolqa torbot m’oħra u għalhekk kulħadd għandu jikkontribwixxi bil-ġid komuni f’moħħu.”
Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sad-9 ta’ Frar u wieħed jista’ jgħid tiegħu fuq publicconsultation.gov.mt.