Il-Professur Eleanor Scerri, xjenzata Maltija fl-Istitut Max Planck għall-Ġeoantropoloġija u l-Università ta’ Malta, għadha kemm ingħatat finanzjament min-National Geographic biex tirriċerka l-megafauna unika fil-gżejjer Maltin.
Hu fatt magħruf kif, eluf ta’ snin ilu, f’pajjiżna għexu iljunfanti f’minjatura u papri ġganteski, kif jixhdu esebiti fil-Mużew t’Għar Dalam. Il-Professur Scerri se tkun qed tistħarreġ aktar dwar l-eżistenza tagħhom, grazzi għal dan il-finanzjament.
Dan il-grant, li hu biss wieħed minn għaxra li jingħataw fid-dinja, isegwi dak tal-fond għar-riċerka Ewropea ta’ €1.5 miljun lil pajjiżna u se jappoġġja l-investigazzjoni tat-tim tagħha dwar il-perjodu li wassal għall-estinzjoni, il-koeżistenza, l-oriġini u l-impatti ekoloġiċi ta’ dawn il-ħlejjaq.
Is-sejbiet se jiġu ppubblikati waqt konferenza fiż-żmien li ġej, organizzata b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u l-Istitut Max Planck.