Il-Pulizija ħadet azzjoni u għalqet iż-żona tat-Torri ta’ Għajn Tuffieħa wara li rċeviet rapport dwar l-instabbilità tal-blat fiż-żona. Fl-inħawi diġà kien hemm barriers u sinjali biex in-nies ma jersqux lejn ix-xifer tal-irdum.
L-Awtorità tal-Artijiet ingħatat dan it-tagħrif fit-2 ta’ Jannar li għadda meta l-Pulizija għamlet komunikazzjoni formali li kien sar rapport mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li rċeviet mistoqsijiet mit-Times rigward konsenturi fil-blat li hemm f’dak l-irdum.
Fir-rigward tat-Torri, l-iscaffolding kien sar mill-Awtorità tal-Artijiet wara li kien hemm xi tiġrif kawża tal-maltemp. L-Awtorità tal-Artijiet f’Diċembru 2024, wara ftehim mad-Direttorat tar-Restawr, applikat mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-permessi meħtieġa biex isir ir-restawr fuq it-Torri.
Dawn ix-xogħlijiet se jsiru mid-Direttorat tar-Restawr b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet.
Fir-rigward tal-blat tal-irdum, l-Awtorità tal-Artijiet hi infurmata li, fl-aħħar sentejn, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kien qed jagħmel monitoraġġ tal-blat fit-tarf ta’ dan l-irdum u se jkun qed jagħmel evalwazzjoni ġeoteknika dettaljata tal-istabbilità tiegħu.
L-Awtorità tal-Artijiet se tkompli bil-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar biex isiru t-tiswijiet fuq it-Torri.