Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni dwar il-ħtif tal-ajruplan tal-linja tal-ajru Libjana Afriqiyah Airways jumejn qabel il-Milied li għadda.
Fix-xhieda preżentata minn membri tal-Korp tal-Pulizija intqal kif air hostess li kienet fuq l-Airbus A320 għarfet liż-żewġ hijackers – Moussa Shaha Ali Soko u Ali Ahmed Saleh – waqt l-ID Parade fid-Depot tal-Pulizija.
ID Parade li saret fil-preżenza tal-Maġistrat u tliet membri tal-ekwipaġġ.
Barra minn hekk xhieda oħra mill-Korp ikkonfermat li l-Pulizija ingħatat struzzjonijiet biex meta jinħelsu l-ostaġġi, jkellmuhom u jgħidulhom b’dak li kien qed jiġri fl-ajruplan. Filwaqt li ssemma wkoll li l-Pulizija kienet ġiet infurmata li air hostess kienet ħadet ritratt maż-żewġ pirati tal-ajru.
Iż-żewġ Libjani jinsabu akkużati bil-ħtif tal-ajruplan tal-Afriqiyah Airways li fuqu kellu 111-il passiġġier u sitt membri tal-ekwipaġġ. Kawża ta’ dan il-ħtif, jumejn qabel il-Milied l-ajruport ta’ Malta ingħalaq għall ftit iżjed minn siegħa.
Il-każ ikompli jinstema’ fl-4 ta’ Mejju.