B’wirja ta’ karattru speċjalment fit-tieni taqsima, Birkirkara dawru telfa f’rebħa kbira ta’ 5-2 kontra Balzan.
Kienu Birkirkara fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu wara biss tmien minuti meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner mpgħti minn Alex Da Paixao Alves, MAXUELL MAIA, kien żmakat u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Iżda Balzan ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u fit-22 minuta ġabu liskor indaqs meta Dimeji Awosnya għadda tajjeb lejn ALEXANDER AYO AKPAN li għeleb fuq il-ġirja lil Agustin Sandona, avvanza tajjeb u tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
L-Istripes wieġbu man-nofsiegħa logħob meta wara li rċieva minn cross ta’ Alex Da Paixao Alves, Maxuell Maia, li għal darb’oħra tħalla żmarkat minn difensur ta’ Balzan kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tintemm ftit barra, b’dan tal-aħħar żgur li seta’ għamel aħjar fil-konklużjoni tiegħu.
Balzan reġgħu ħolqu l-periklu ħames minuti wara meta xutt mid-distanza ta’ Da Silva għadda għoli.
Fl-40 minuta Balzan appellaw għal penalty meta Akpan deher li allegatament twaqqa’ minn difensur ta’ Birkirkara fil-kaxxa wara li kien hemm cross fid-direzzjoni tiegħu iżda r-referee Philip Farrugia ħalla l-logħob għaddej.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-ħin miżjud rebħu penalty meta Alessandro Coppola waqqa’ lil Alexander Ayo Akpan fil-kaxxa, u kawża t’hekk safa ammonit. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-istess ALEXANDER AYO AKPAN li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lill-goalkepeer ta’ Birkirkara Giacomo Volpe, in-naħa opposta, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali. Ta’ nota huwa l-fatt li wara dan il-goal huwa safa ammonit hekk kif mar jiċċelebra proprju taħt il-partitarji ta’ Birkirkara.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Birkirkara u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u fit-53 minuta Alex Satariano xeħet cross fid-direzzjoni tas-sostitut Yikpe iżda dan ma rnexxilux jagħmel kuntatt mal-ballun li finalment intemm barra, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn għall-Karkariżi.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-56 minuta meritatament ġabu l-iskor indaqs meta Lautaro Lacunza xeħet cross għan-nofs li sab lil Manuel Ignacio Morello li mil-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Istripes u żewġ minuti biss wara, wara li rċieva minn freekick ta’ Alex da Paixao Alves, Maxuell Maia ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tistampa mal-wieqfa, biex mir-rebound, Agustin Sandona, għamel l-impossibli u ra l-konklużjoni tiegħu taħbat max-xibka minn barra biex ta l-illużjoni tal-goal.
Fid-59 minuta, Alex Satariano għadda tajjeb lejn Alex Da Paixao Alves li kellu x-xutt ċentrali tiegħu salvat mingħajr wisq diffikultá minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Balzan, Dylan Ciappara.
L-Istripes qalbu l-iskor favurihom fid-69 minuta meta Manuel Ignacio Morello xeħet cross lejn LEANDRO LAUTARO LACUNZA li minn taħt i-lalsta spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Birkirkara ħadu l-kontroll totali tal-partita u fl-74 minuta, skorjw ir-raba’ goal meta Yikpe xeħet cross-shot li sab lil MAXUELL MAIA li mill-viċin tefa’ l-ballun tefa’ l-ballun f’lsata vojta.
Fit-77 minuta Birkirkara kellhom f’saqajhom il-ballun tal-ħames goal meta Alex Da Paixao minn pożizzjoni ideali ma laqatx il-ballun b’saħħtu biżżejjed b’difensur ta’ Balzn jikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-82 minuta Alex Satariano xeħet cross-shot fid-direzzjoni ta’ Maxuell Maia li iżda ma rnexxilux jagħmel kuntatt mal-ballun.
Birkirkara komplew jattakkaw u fil-ħin miżjud rebħu penalty meta Malepe waqqa’ lil Yikpe fuq il-ġirja fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu MAXUELL MAIA li ma żbaljax hekk kif tefa’ lil Ciappara naħa u l-ballun in-naħa opposta, biex b’hekk irreġistra hat-trick personali.
Birkirkara komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Manuel Morello (Birkirkara FC)