F’aktar spezzjonijiet kkordinati bejn il-Pulizija u l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari, it-Tnejn, ġew arrestati 20 persuna li nstabu jgħixu b’mod irregolari f’Għawdex.
L-ispezzjonijiet saru f’diversi lokalitajiet fosthom fir-Rabat, Marsalforn, il-Fontana u x-Xlendi.
Stqarrija tal-Pulizija qalet li n-nazzjonalitajiet tal-individwi huma mill-Ghana, l-Etjopja, is-Sirja u n-Niġerja. Il-persuni kollha ttieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm jitlesta l-proċess biex jiġu deportati mill-pajjiż.
Dawn l-immigranti irregolari jiżdiedu ma’ 28 oħra li nstabu lbieraħ waqt spezzjonijiet li saru fl-akwati tal-monti tal-Furjana, kumpless tax-xiri biswit il-Park and Ride f’Ħal Qormi u minn residenzi fil-Ħamrun, San Ġwann, il-Mosta u Birkirkara.