Dak li ħareġ bil-Blue heroes u għadu jiddetta l-aġenda tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, qabad jitlob il-ftuħ ta’ inkjesti għax skontu għandu l-provi għal allegazzjonijiet li qed jagħmel.
Jason Azzopardi, l-aħħar li talab biex tinfetaħ inkjesta hi dwar l-Awtorità għall-Artijiet, awtorità li meta kien politikament responsabbli minnha żmien GonziPN, kienet mifnija bi skandli.
Saħansitra ġudikant fil-Qorti kien talab li Jason Azzopardi għandu jerfa’ responsabbiltà politika għal mod kif l-art tal-Lowenbrau ngħatat fi żmien li Jason Azzopardi kien Segretarju Parlamentari responsabbli mill-artijiet.
Dak iż-żmien l-art tal-Lowenbrau li kienet stmata tiswa €8 miljun, ingħatat lil Żaren Vassallo għas-somma biss ta’ ftit aktar minn €700,000.
L-Imħallef Anthony Ellul kien iddikjara fil-Qorti li Jason Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika.
Dan f’kawża ta’ libell li Jason Azzopardi tilef kontra dak iż-żmien kien il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici meta dan tal-aħħar sostna li Jason Azzopardi uża l-influwenza politika tiegħu biex l-art tal-Lowenbrau ngħatat biċ-ċiċċri lil Żaren Vassallo.
Dikjarazzjoni li fuqha Jason Azzopardi tilef u ħareġ aktar kif l-iskandli marbuta mal-Awtorità tal-Artijiet qegħdin fuqu.
Bħall-esproprajazzjoni tal-art tal-Fekruna.
Skandlu ieħor li bid-deċiżjoni ta’ Jason Azzopardi tlett ijiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 li l-Partit Nazzjonalista tilef, il-poplu tilef mal-miljun ewro.
Dan it-telf għad-dannu tal-poplu Malti, iddikjarah l-Awditur Ġenerali li sab deċiżjoni oħra marbuta ma’ skandlu ta’ Jason Azzopardi, illum l-Avukat tal-għaqda Repubblika.
L-aġir issa ta’ Jason Azzopardi, li jipprova jwaqqaf Gvern innutah il-Partit Laburista fi stqarrija.
Qal li l-fergħa estremista Nazzjonalista lanqas fil-jiem tal-festi ma tipprova tiddistakka ruħha mill-mibegħda u l-intimidazzjoni.
“Il-Grupp Parlamentari Laburista hu parti minn Gvern li reġa’ investa fin-nies u hu l-awtur ta’ ġid soċjali kbir. Għalhekk mgħandu xejn minn xiex jibża’”, qal il-Partit Laburista.
Żieda jgħid li l-ebda att ta’ intimidazzjoni u provokazzjoni mhu se jwaqqaf l-Eżekuttiv tal-pajjiż milli jkompli jwettaq ħidmietu favur il-ġid komuni.
“Jibża’ biss min hu l-awtur tal-ħdura u l-gideb għaliex tal-qerq li joħloq irid iwieġeb. Bħalu jibżgħu min hu rrelevanti u jirkeb fuq l-attakki insensati fuq nies li sempliċiment iħaddnu politika differenti minnhom”, sostna l-Partit Laburista.