Dawn iż-żminijiet huma sinonimi mad-diveriment, żmien fejn il-familji jiltaqgħu, fejn in-nanniet jaraw lin-neputijiet wara numru twil ta’ ġranet ma jarawhom kawża ta’ xogħol jew forsi jgħixu barra minn xtutna.
Però dan mhux dejjem hu dak li kull persuna tesperjenza f’dan iż-żmien festiv tal-Milied.
Jirriżulta li aktar persuni jibqgħu jbatu mis-solitudni, fejn ma jkollhomx ma’ min iqattgħu ftit ħin jitkellmu ma’ xi ħadd u dan il-perjodu tas-sena jagħmilha ferm aktar diffiċli.
ONE News tkellem ma’ Deborah Vassallo, Service Area Leader fi ħdan il-helpline tal-179, li hu mezz fejn persuna tista’ ssib dejjem lil xi ħadd ma’ min titkellem.
Bi professjonisti mħarrġin apposta li, tul is-sena kollha u erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, ikunu hemm biex jassistu lil kull min jeħtieġ l-għajnuna fi żminijiet ta’ problemi jew kriżi. Għajnuna li kapaċi ssalva anke l-ħajjiet.
Qabel ma dħalna fid-dettall dwar dak li jiffaċċjaw il-ħaddiema ta’ din il-linja ta’ għajnuna, offruta b’xejn mill-Istat, Vassallo ttrattat mill-ewwel il-ħidma kollha wara tali servizz.
Hi tenniet li din il-linja disponibbli l-ħin kollu, inkluż fi żmien ta’ festi, Sibtijiet u Ħdud. B’teknika u professjonalità, spjegat dak li jiġri malli tidħol telefonata fil-call center tagħhom.
“Intakes aħna ngħidulu. Fejn il-persuna ħa titkellem magħhom u, imbagħad, kull każ jiġi wara mdaħħal fid-database fejn permezz ta’ din id-database, għandna tim ta’ social workers li jkunu qed jaraw dawn il-calls u jirreferu dawn il-calls skont is-servizz li l-persuna tkun talbet jew xtaqet, jekk ovvjament tkun talbet aktar għajnuna.”
Deborah Vassallo, Service Area Leader, 179
Jirriżulta li l-linja 179 tirċievi madwar 1,200 telefonata kull xahar, filwaqt li matul din is-sena, sa Novembru li għadda, kienet diġà ttrattat 10,233 telefonata ġenwina.
Minbarra hekk, jirriżulta li minn aktar minn 11,500 telefonata ġenwina s-sena l-oħra, mal-4,000 kienu direttament marbutin ma’ problemi ta’ solitudni.
Vassallo spjegatilna li, skont dak li tara hi waqt ħidmietha, ikun hemm taħlita ta’ każi, partikolarment nies li sempliċiment ikunu jixtiequ jgħidu kelma ma’ xi ħadd jew inkella aktar serji każi fejn persuna tkun tirrikjedi għajnuna psikoloġika jew ta’ saħħa mentali.
Qaltilna li kull persuna, li tidħol taħdem ma’ din il-linja ta’ għajnuna, trid tieħu sehem f’numru ta’ korsijiet, waqt li, kultant żmien, tingħata taħriġ apposta għċ-ċirkostanzi li dejjem jevolvu.
Meta staqsejna dwar l-andament f’każi ta’ solitudni fix-xahar ta’ Diċembru, Vassallo tenniet li s-sena l-oħra kellhom 351 relatati f’dawn iż-żminijet ta’ festi.
Apparti il-problema ta’ solitudni, hemm numru ta’ fatturi oħrajn li jwasslu lil numru ta’ persuni biex ibatu f’dawn iż-żminijiet.
“Ikollna ħafna fuq solitudni, ikollna minn dawk li aħna nsejħulhom regular callers, jiġifieri dawk li jċemplu fuq il-linja frekwenti u l-istess ħafna drabi jkunu qed iqattgħu dawn iż-żminijiet waħedhom u allura jċemplu ħafna aktar. Ikollna nies li forsi għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ saħħa mentali li jippreferu ma jkunux fil-pubbliku jew li jinqatgħu għalihom ma jixtiqux għajnuna bħalissa u allura jsibu ukoll sapport mil-linja.”
Deborah Vassallo, Service Area Leader, 179
Minkejja li ħafna drabi nassoċjaw is-solitudni mal-anzjanità, mar-romol, jirriżulta wkoll li hemm numru li qed jikber ta’ tfal li qed ibatu mis-solitudni.
Is-Service Area Leader tal-179 assoċjat din iż-żieda ta’ solitudni fost persuni ta’ etajiet teneri mal-midja.
“Ma ninsewx li t-teknoloġija wkoll xi kultant qed tintuża għal dak li ngħidulu social isolation, jiġifieri li jiena noqgħod pereżempju tul ta’ ħin nilgħab logħba fil-kamra tiegħi, ninqata’ minn dawk ta’ madwari, inqatta ħin twil hemmhekk, dik lili qed tiżolani, qed tneħħili qiesu n-network soċjali tiegħi … ma’ min nissoċjalizza eċċetra u qiegħed hemmhekk waħdi.”
Deborah Vassallo, Service Area Leader, 179
Vassallo temmet tenfasizza l-importanza li dejjem, imma aktar u aktar f’dawn iż-żminijet, wieħed m’għandux jibża’ jersaq ’il quddiem u jaqsam ma’ xi ħadd dak li jnikktu f’ħajtu.
“Naħseb li importanti jiftakru li hawnhekk, jekk se jċemplu, ħadd mhu se jiġġudikahom. Għandom lil min se jkun qed jismagħhom b’empatija, jipprova jifhem is-sitwazzjoni tagħhom u jista’ jaqsam ftit minn dan il-piż li huma jkunu għaddejjin minnu.”
Deborah Vassallo, Service Area Leader, 179