Carter Blanchard hu tifel ta’ tmien snin minn Arkansas li għandu l-vitiligo, kundizzjoni fil-ġilda. Minħabba din il-kundizzjoni, Carter ma riedx jaċċetta dak li kien qed jiġrilu, dan sakemm iltaqa’ ma’ ħabib speċjali li għalkemm kien differenti ferm minnu kellhom ħaġa waħda komuni.
Dan il-ħabib speċjali hu Rowdy, kelb tar-razza Labrador li għandu 13-il sena, u li anke hu għandu l-istess kundizzjoni.
Stephanie Adcock, omm it-tifel, qalet “Wara li ngħata din l-aħbar kien vera mdejjaq u saħansitra kien jgħid li wiċċu ikrah, iżda kif sirt naf b’Rowdy, u li għandu l-istess kundizzjoni, it-tifel mal-ewwel ħa grazzja miegħu u kien eċitat dwar il-fatt li dan il-kelb sar famuż minħabba t-tbajja li kellu f’wiċċu.”
Kien propju ftit tal-ġimgħat ilu meta Carter u Rowdy iltaqgħu għall-ewwel darba.
Omm Carter qalet “mal-ewwel kif iltaqgħu qablu flimkien. Minn dakinhar ‘l hawn Carter sar ħabib kbir ma’ Rowdy u issa sar ferm aktar kunfidenti milli kien.”