L-Arċisqof Charles Scicluna ta bidu għall-Ġublew tal-2025 għal pajjiżna l-Ħadd, wara li Lejlet il-Milied il-Papa Franġisku inawgura uffiċjalment is-sena tal-Ġublew bil-ftuħ tal-bieb imqaddes fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
Iċ-ċelebrazzjoni f’pajjianż bdiet għall-ħabta tal-5:00 ta’ waranofsinhar b’mument ta’ talb fil-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat.
Wara l-Arċisqof qara ukoll silta mill-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew, id-dokument uffiċjali li, permezz tiegħu, il-Papa nieda l-Ġublew tat-Tama.
Fl-omelija tiegħu fil-Katidral tal-Imdina, fil-preżenza wkoll tan-Nunzju Appostoliku Savio Hon Fai-Tai, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, l-Arċisqof Emeritu George Frendo O.P, saċerdoti, reliġjużi u lajċi, l-Arċisqof enfasizza li l-ġublew hu msejjes fuq l-importanza tal-maħfra u l-ħniena li talab għalihom il-Papa stess.
L-Arċisqof qal li l-Papa sostna li dan jista’ jsir permezz ta’ maħfra lil dak il-proxxmu li aħna rrabjati għalih u żjarat lil dawk morda u fil-bżonn u b’hekk ukoll inkunu qegħdin nakkwista l-indulġenza plenarja.
Hu żied jgħid li, matul din is-sena hekk importanti, għandhom jingħaddu aktar it-talba tal-Missierna, il-Kredu u s-Salve Regina.
‘’U barra minn hekk, din hi l-iżjed parti diffiċli, irridu nagħmlu sforz biex ninfatmu mill-ħażen li hemm fina, min fil-ftit u min inqas ftit. Il-Papa qed jgħidilna l-Indulġenza Plenarja tista’ teħodha wkoll anke mid-dar tiegħek, jekk inti marid, jekk inti l-ħabs, jekk inti f’residenza tal-anzjani, jekk int qed tieħu ħsieb xi ħadd u ma tistax tiċċaqlaq minn fejn inti. Tingħaqad magħna, mal-isqof, pereżempju meta jqaddes. Intom tafu li jiena kull nhar ta’ Ħadd inqaddes u tkun trasmessa biex tilħaq kemm jista’ jkun nies li ma jistgħux jiġu l-Knisja; u tingħaqdu miegħi, u jkollkom l-indulġenza plenarja wkoll.’’
Arċisqof Charles J.Scicluna
Hu qal ukoll li l-Papa wera x-xewqa li s-sagrament li ġie maħluq biex ikollu ħniena minna, il-qrar, neżerċitawh aktar b’mod regolari biex b’hekk nkunu qiegħdin nidħlu fl-ispirtu tas-sagrament.