Kmieni t-Tnejn filgħodu tħabbret il-mewt tal-kantant Joe Grech fl-età ta’ 90 sena.
Il-Bormliż kien l-ewwel kantant li rebaħ il-Malta Song Festival fl-1960 b’kanzunetta miktuba minnu stess, iżda jibqa’ aktar sinonimu għall-kanzunetta popolari ‘Marija l-Maltija’, li biha kien irrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision tal-1971.
Din kienet l-ewwel darba li Malta ħadet sehem f’dan il-festival internazzjonali tal-mużika.
Ħames snin ilu, Grech kien ingħata l-midjalja għall-Qadi tar-Repubblika mill-President ta’ dak iż-żmien George Vella.
Sadanittant, fuq il-midja soċjali, il-Ministru responsabbli mill-Kultura, Owen Bonnici, qal li tnikket bl-aħbar tal-mewt ta’ Joe Grech, waqt li rringrazzjah tax-xogħlijiet artistiċi tiegħu.
ONE News isellem il-memorja ta’ Joe Grech, filwaqt li jagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.