Din is-sena, f’nofs it-tielet leġiżlatura nfila tiegħu fil-Gvern, il-Partit Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, kompla jiġġedded, kif inhi l-prattika f’partit li hu ħaj u jrid ikompli jevolvi maż-żminijiet u mat-tibdil li jkun qed iseħħ fis-soċjetà.
U l-2024 ma kinitx b’inqas, fejn it-tiġdid rajnih sa mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, li issa, fost oħrajn, għandu żewġ Deputati Mexxejja, Kap Eżekuttiv u President, ilkoll ġodda.
Dan it-tiġdid seħħ wara l-poplu għadda messaġġ b’saħħtu fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li għadda, dawk għall-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew … dak li jrid lill-Partit Laburista fil-Gvern, iżda f’verżjoni aħjar tiegħu nnifsu.
Il-Prim Ministru ħatar lil Leonid McKay bħala Kap Eżekuttiv ġdid tal-Partit Laburista. Waqt li Jason Micallef inħatar Delegat Speċjali tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista dwar l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali.
Imbagħad f’nofs Settembru saru l-elezzjonijiet għal numru ta’ karigi amministrattivi fi ħdan il-partit.
Dan wassal biex il-Ministru Ian Borg sar id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, kariga li awtomatikament poġġietu wkoll Deputat Prim Ministru.
Dan filwaqt li l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nħatar bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
Alex Sciberras sar il-President il-ġdid, waqt li John Grech inħatar bħala Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista.
Kien hemm ukoll elezzjoni għat-12-il membru ordinarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali minn fost il-parteċipazzjoni ta’ 37 persuna li kkontestaw. Minbarra hekk, kien hemm ukoll konkorrenza qawwija fin-numru ta’ delegati li vvotaw f’din l-elezzjoni.
Bħala parti mit-tiġdid ukoll, Norma Saliba nħatret Kap tal-Komunikazzjoni u l-Kelliema tal-Partit Laburista. Dan bil-għan ewlieni li l-partit isaħħaħ il-mezzi ta’ komunikazzjoni tiegħu, b’mod ewlieni l-istazzjonijiet ONE.
Minbarra dan it-tiġdid, il-Partit Laburista, f’din is-sena, ukoll fakkar il-passat tiegħu, anke bi żvolta storika, hekk kif instab dokument ta’ iżjed minn seklu ilu li xeħet dawl ġdid fuq it-twaqqif tiegħu.