L-għada tal-Milied f’edizzjoni oħra ta’ ‘L-Istrina’ nġabret is-somma sabiħa ta’ aktar minn €5,214,000.
B’dawn il-fondi se jmorru għall-ħidma li twettaq il-fondazzjoni Malta Community Chest Fund, matul is-sena li ġejja, sabiex tgħin fost oħrajn pazjenti li jitilgħu barra minn xtutna.
Dan f’wirja oħra ta’ ġenerożità u solidarjetà mill-poplu Malti u Għawdxi, f’din il-maratona ta’ 12-il siegħa, li xxandret fuq l-istazzjonijiet lokali kollha, fosthom fuq ONE.
L-edizzjoni ta’ din is-sena, li saret fil-Kulleġġ Sportiv ta’ Ħal Kirkop kienet l-ewwel waħda taħt il-President Myriam Spiteri Debono.

Kien għall-ħabta ta’ nofsillejl, x’ħin tħabbret din is-somma sabiħa, bil-President Spiteri Debono rringrazzjat lill-poplu Malti għal din il-wirja ta’ solidarjetà.
Din il-maratona bdiet ftit wara nofsinhar tal-għada tal-Milied, fejn preżenti kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Fost dawn kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, li f’isem il-Gvern ta d-donazzjoni ta’ €100,000 mill-fond tal-Kawżi Ġusti.
Eluf ta’ Maltin, fosthom bosta kumpaniji u entitajiet ikkontribwixxew għal din is-somma mill-isbaħ, kemm permezz tat-telefonati jew il-mobile li ma waqfux u anki bl-attivitajiet li jsiru matul is-sena. Fost dawk li taw id-donazzjonijiet tagħhom kien hemm dik ta’ elf ewro mill-Partit Laburista, li ġiet ippreżentata mit-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-partit.