L-għanjiet tal-Milied, jew kif ħafna jsejħulhom, il-carols tal-Milied, huma għanjiet ferriħija li nisimgħu matul dan il-perjodu festiv u li għandhom storja rikka li tmur lura sal-Ewropa medjevali.
Il-kelma carol oriġinarjament kienet tirreferi għal tip ta’ kanzunetta utilizzata waqt iż-żfin li evolviet tul is-sekli fil-mużika festiva li nassoċjaw illum il-ġurnata mal-Milied.
L-oriġini tal-għanjiet tal-Milied insibuhom fit-tradizzjonijiet Kristjani bikrija fejn innijiet kienu jitkantaw biex jiġi ċċelebrat it-twelid ta’ Ġesù. Fil-fatt l-ewwel għanja tal-Milied li nafu biha tmur lura sas-Seklu Erbgħa bit-titlu ‘Jesus Refulsit Omnium’.
Matul il-Medjuevu, il-carols bdew jiżviluppaw kemm fl-istruttura kif ukoll kontenut fejn ħafna drabi kienu jżewqu temi Kristjani mat-tradizzjonijiet folkloristiċi. Dawn l-għanjiet kienu ġeneralment jitkantaw bil-lingwa tal-poplu u mhux bil-Latin u għalhekk kienu aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali. Dan kien fatt importanti biex il-messaġġ tal-Milied beda jinfirex fil-komunitajiet.
Sas-Seklu Tnax, l-użu tal-għanjiet tal-Milied kien infirex lil hinn mill-Knisja hekk kif daħlu fl-isferi taċ-ċelebrazzjonijiet sekulari bħala parti mill-festi tax-xitwa.
Is-Seklu Dsatax immarka punt sinifikanti fil-poplarità tal-carols tal-Milied li kienu prinċiparjament influwenzati mit-tiġdid ta’ tradizzjonijiet Vittorjani tal-Milied. Din l-era rat interess ġdid fiċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi, laqgħat tal-familja u avvenimenti tal-komunità.
Kittieba notevoli bħal Charles Dickens, bl-istorja famuża tiegħu ‘A Christmas Carol’, għenu biex ippopolarizzaw l-idea tal-Milied bħala żmien ta’ rieda tajba u karità. Fost l-għanjiet tal-Milied li saru famużi matul dan il-perjodu kien hemm ‘O Holy Night’ u ‘Hark! The Herald Angels Sing’.
Illum il-ġurnata wħud mill-aktar għanjiet popolari huma ‘Silent Night’ – bil-Malti ‘O Lejl tas-Skiet’ – kompożizzjoni tal-1818 minn Franz Gruber u Joseph Mohr, u ‘O Come All Ye Faithful’, bil-Malti ‘Ninġabru Nsara’, li tmur lura sas-Seklu Tmintax, u hu maħsub, li kienet inkitbet minn John Francis Wade.
Kull għanja tqajjem sens ta’ nostalġija u ferħ fejn jiġu trasmessi temi ta’ mħabba, tama u paċi li jikkumplimentaw l-ispirtu tal-istaġun festiv.
Il-popolarità tal-għanjiet tal-Milied illum il-ġurnata hi evidenti hekk kif jiġu inklużi fiċ-ċelebrazzjonijiet kemm tal-Knisja u dawk esterni kif ukoll minn gruppi ta’ nies li jinġabru flimkien fid-dinja kollha. Huma jservu bħala tifkira tat-tradizzjonijiet dejjiema li jgħaqqdu n-nies flimkien fiċ-ċelebrazzjoni ta’ tama, mħabba u l-maġija tal-Milied.
Kemm jekk ikunu kantati fid-djar jew minn korijiet fil-katidrali, l-għanjiet tal-Milied ikomplu jidwu matul iż-żminijiet u jgħaqqdu ġenerazzjonijiet f’apprezzament reċiproku matul dan iż-żmien tant maħbub tas-sena.
F’Malta, nistgħu ngħidu, li dawn l-għanjiet huma popolari ferm, anke b’dawk oriġinali lokali, fejn wisq probabbli l-aktar waħda popolari għalina hi ‘Ninni La Tibkix Iżjed’ ta’ Patri Indri Schembri.