Ejja nsikktu l-ħoss tal-armi u negħlbu d-differenzi ta’ bejnietna.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Papa Franġisku waqt il-messaġġ tradizzjonali tal-Urbi et Orbi, li bil-Latin tfisser lill-belt u lid-dinja, fejn ħeġġeġ għall-waqfien mill-ġlied madwar id-dinja, bil-għan li jintlaħaq paċi dejjiemi b’mod partikolari fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani.
Hawn iddeskriva s-sitwazzjoni umanitarja bħala gravi ħafna hekk kif ta’ ħarsa wkoll lejn is-Sirja u postijiet oħra li bħalissa għaddejjin minn xi forma ta’ kunflitt.
F’dan id-diskors il-Papa tkellem ukoll dwar il-ħsieb wara l-Ġubilew tas-sena d-dieħla, hekk kif enfasizza l-importanza tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla u bejnietna biex jingħeleb l-odju l-vendetta u minflok jirrenja l-paċi.
Il-Papa rringrazzja wkoll lil dawk kollha ta’ rieda tajba.
Dan id-diskors segwa l-ftuħ tas-sena tal-Ġubilew 2025 hekk kif il-Papa fetaħ il-bieb imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru. Dan il-Ġubilew, li huwa t-tieni wieħed tal-Papa Franġisku se jġorr it-tema tat-tama, wara l-Ġubilew Straordinarju tal-Ħniena fl-2016, li kien l-ewwel wieħed taħt il-tmexxija tal-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku.
Ruma mistennija li tilqa’ mat-tnejn u tletin miljun pellegrin minn madwar id-dinja kollha.
Waqt iċ-ċelebrazzjoni li fetħet dan il-Ġubilew, il-Papa Franġisku esprima x-xewqa li dan ikun Ġubilew ordinarju jservi biex kull Nisrani jersaq aktar lejn Alla.