Minn solitudni għal mument ta’ ferħ u għaqda.
Hekk tista’ tiddeskrivi l-atmosfera li kien hemm matul il-jum imqaddes tal-Milied fil-kurituri tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, li laqgħet mijiet ta’ nies li kienu se jispiċċaw waħedhom għall-ikla ta’ nofsinhar.
Iżda hekk kif dawn rifsu l-għatba tal-kurja, id-dwejjaq tas-solitudni nbidel f’ferħ grazzi għall-Caritas Malta.
ONE News kien preżenti fil-Kurja għall-bidu ta’ din l-ikla, fejn tkellimna ma’ Josef Pace, il-koordinatur ta’ din l-ikla.
Spjega li din l-okkazzjoni hija waħda mhux biss speċjali għan-nies tal-Caritas imma għal dawk kollha li f’mument f’ħajjithom iħossuhom waħedhom.
“Din hija mument speċjali ħafna għal dawk in-nies li jħossuhom waħedhom, li forsi se jqattgħu l-Milied waħedhom, illum iltqajt ma’ persuna hi u dieħla hawnhekk u qaltli thank you. Qaltli jiena ma ġejtx biex niekol imma jiena ġejt biex nitkellem. Jiġifieri din il-pjaga kemm jista’ jkun intaffuha.”
JOSEF PACE
Sadanittant, spjega li din il-ġurnata ma fihiex biss is-sinifikat tal-ikla però aktar għajnuna lil kull min ikollu bżonn.
Il-preparazzjoni kienet f’idejn bosta persuni li qed jattendu programmi tal-Caritas, li f’dan il-jum xammru l-kmiem biex huma wkoll ipoġġu tbissima fuq fomm bosta.
“In-nies kollha li jiġu aħna noffrulhom l-għajnuna noħdulhom id-dettalji biex inkunu nistgħu nibqgħu insegwuhom. Ma nixtieqx ninsa nirringrazzja wkoll lid-djar tagħna. Id-djar tagħna li ġew hawnhekk ir-residenti tagħna li qed jagħtu lura lis-soċjetà billi qed isajru, isaħħnu u qegħdin iqassmu l-ikel. Jiġifieri llum għandna minn kull tip ta’ voluntiera.”
JOSEF PACE
Fi sfond ta’ diversi voluntieri preżenti, tkellimna ma’ Peter Paul Cauci li fil-jum tal-Milied iddeċieda li jagħti ħinu għal ħaddieħor. Ma’ ONE News tenna li din hija t-tieni sena konsekuttiva li qiegħed jagħmel xi ħaġa bħal din u meta jara l-għaqda, qalbu timtela’ bil-ferħ.
“Il-festa tal-Milied hija festa fejn aħna suppost nagħtu u naħseb li tagħti ħinek biex tkun qiegħed hawn u tara lil dawn in-nies kollha jieħdu pjaċir u nies li ħafna darbi ikunu fil-bżonn ta’ kumpanija speċjalment u meta tarahom hawnhekk kull sena u tara dik dik it-tbissima fuq wiċċhom u tarahom jitkellmu ma’ nies oħra ġodda u dawn kważi jagħmlu ħbiberija ġdida u tinduna il-veru spirtu tal-Milied x’inhu dak li tagħti.”
PETER PAUL GAUCI