Fl-ewwel messaġġ tagħha għall-Milied, bħala President Myriam Spiteri Debono tat ħarsa lejn il-kisbiet ta’ pajjiżna matul is-sena filwaqt li tkellmet dwar it-tama u l-kuraġġ għall-ġejjieni.
Il-President ta’ Malta fakkret kif din is-sena pajjiżna ċċelebra anniversarji importanti, primarjament, is-sittin sena mill-Indipendenza, il-ħamsin sena minn meta pajjiżna sar Reepubblika u l-għoxrin sena mid-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
“Nittama li din ir-riflessjoni għenitna nagħrfu l-fatt li l-preżent li ninsabu fih issawwar minn passat mimli sagrifiċċji, u kif il-futur jiddependi min dak li nagħmlu, b’mod kollettiv, aħna lkoll. Dan huwa pass importanti biex bħala poplu nimmaturaw f’kuntest demokratiku.”
PRESIDENT TA’ MALTA
Kien hawn li nnutat il-ħidma ta’ pajjiżna fuq skala internazzjonali matul din is-sena, b’mod partikolari, hekk kif Malta serviet bħala membru mhux permanenti fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda, kif ukoll bħala ċ-Chair-In-Office tal-Organizzazzjoni ta’ Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.
“Il-ħidma ta’ Malta f’fora internazzjonali tirrifletti l-motivazzjoni ta’ pajjiżna li minkejja ċ-ċokon tiegħu, jibqa’ jibni l-politika barranija tiegħu fuq il-pilastri strateġiċi tal-paċi, sigurtà u prosperità fost il-ġnus kollha.”
MYRIAM SPITERI DEBONO
Spiteri Debono fissret l-importanza ta’ din il-ħidma f’ċirkostanzi bla preċedent b’żewġ kunflitti għaddejjin b’mod simultanju fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani. Hawn awgurat, għall-impenji li għandu pajjiżna matul is-sena li ġejja.
Imbagħad, il-President tat ħarsa lejn il-kuntest lokali.
“Pajjiżna jinsab fil-quċċata tal-istatistika Ewropea fejn jidħol xogħol u tnaqqis fil-qgħad. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ drittijiet ċivili, Malta żammet postha bħala l-aktar pajjiż Ewropew li jippromwovi dawn id-drittijiet.”
MYRIAM SPITERI DEBONO
Hawn tat ħarsa lejn l-opportunitajiet u l-isfidi li pajjiżna għandu quddiemu bħall-istil mgħaġġel tal-ħajja u l-pressjonijiet soċjali marbuta ma’ affarijiet materjali li jwasslu għal diversi problemi personali anki ta’ saħħa mentali.
“Nemmen li bħala poplu, kif dejjem għamilna, b’dedikazzjoni u determinazzjoni, kapaċi ningħaqdu u naffaċċjaw dawn l-isfidi b’mod effettiv, u bl-għaqda bejnietna għandna naslu.”
MYRIAM SPITERI DEBONO
Il-President tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-ħarsien ambjentali minn kulħadd filwaqt li sellmet lill-komunitajiet internazzjonali li jgħixu f’Malta.
“Qabel nagħlaq, b’mod partikolari nixtieq nirringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, tal-mod ta’ kif ilqajtuni bħala l-Kap tal-Istat ta’ pajjiżna. Inġedded magħkom il-wegħda li b’umiltà, nagħmel ħilti kollha biex minn dan ir-rwol inkun ta’ servizz għal Malta tagħna, u l-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ta’ tama u kuraġġ; ix-xewqat sbieħ, l-altruwiżmu u s-solidarjetà huma marbuta ma’ dawn iż-żminijiet festivi. Inħeġġeġ li jiġu estiżi għat-tul tas-snin kollha.”
MYRIAM SPITERI DEBONO