Fil-messaġġ tal-Milied għal din is-sena, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, tkellem dwar il-barka li jġibu l-ulied u appella biex jinħolqu ċ-ċirkostanzi ħalli l-pajjiż ikun jista’ jgħożż din il-barka.
Minn ġewwa l-bini ta’ Hospice Malta, jew kif inhu magħruf ukoll bħala l-Istitut Cini, minn fejn illum qed jiġu offruti għadd ta’ servizzi paljattivi mingħajr ħlas lill-pazjenti tiegħu, l-Arċisqof awgura wkoll li dan il-Milied iservi ta’ tarġa oħra li lejn il-ħajja ta’ dejjem.
“Dan il-Milied, wara li ċċelebrajna bħala familja l-50 anniversarju ta’ Malta Repubblika, nixtieq insostni u ntenni l-appell tiegħi sabiex aħna l-Maltin u l-Għawdxin nitbierku bit-twelid tal-ulied. Nieħdu ħsieb li nagħmlu esperjenza ta’ tama għaż-żgħażagħ tagħna; nibnu kultura ta’ tama għall-futur u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin biex fihom ikollna l-barka tal-ulied.”
CHARLES J. SCICLUNA
Hawn stqarr li minflok għandna nitnikktu għall-fatt li għandna l-inqas rata ta’ twelid fost il-pajjiżi Ewropej, għandna noħolqu ċirkostanzi li jgħinu koppji żgħażagħ biex ikollhom l-ulied.
“Hemm bżonn li nieħdu passi konkreti, kulħadd skont ir-responsabbiltà tiegħu, biex noħolqu l-ambjent favorevoli biex il-koppji żgħażagħ jimtlew bit-tama, jibnu l-bejta tal-imħabba tagħhom, u din timtela bil-barka tal-ulied.”
CHARLES J. SCICLUNA
Monsinjur Scicluna sellem lil dawk il-koppji li għalkemm ma jistax ikollhom it-tfal jagħżlu l-adozzjoni jew il-fostering, hekk kif irrikonoxxa l-isforzi biex titwieled it-tama li jitwieldu l-ulied f’dan il-pajjiż.
L-Arċisqof ta’ Malta sellem lill-emigranti Maltin filwaqt li għalaq b’dan l-awgurju.
“Jalla din is-sena li dalwaqt nibdew, tkun sena oħra ta’ solidarjetà, ta’ ħniena magħna nfusna u ta’ ħniena bejnietna. Jalla l-esperjenza ta’ dan il-Milied ma tkunx biss esperjenza sabiħa ta’ ftit jiem imma wkoll tagħti togħma tajba lil ħajjitna u lil dak kollu li nagħmlu bejnietna.”
ARĊISQOF TA’ MALTA