Minkejja li diversi persuni u tfal li jkunu rikoverati fl-Isptarijiet f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, ma jkunux jistgħu jqattgħu dawn il-jiem b’mod normali bħal kulħadd, fl-Isptarijiet xorta waħda jsir kull sforz biex l-atmosfera tkun waħda festiva.
Fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, żorna s-sala tar-Rainbow Ward, fejn kemm l-infermiera, t-tobba u l-impjegati, kif ukoll il-Fondazzjoni Puttinu Cares, mhux biss jarmaw is-swali, iżda wkoll joħolqu sentiment pożittiv fost dawk li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli.
Tkellimna ma’ Caroline Galea, omm tifel ċkejken ta’ 3 snin, li se jqatta’ dan il-Milied fir-Rainbow Ward, jieħu l-kura għall-kanċer. Hija fissret kif minkejja li mhumiex għaddejjin minn żminijiet faċli, dawn l-isforzi jagħmlu l-atmosfera ferm isbaħ.
Dan mhux biss fi żmien il-Milied, iżda matul is-sena kollha.
“Kull darba li niġu hawnhekk l-Isptar, jiġi għall-chemo, jilqgħuna, jiftħulna l-famuż cupboard, u jtuh rigal. Għall-ewwel kont nirrabja, kont ngħidilhom m’hemmx għalfejn ittuh rigal kull darba li niġu, imma mbagħad ikkonvinċewni li permezz tar-rigali li jtuhom lit-tfal, huma jassoċċjaw l-Isptar mhux biss mal-uġigħ u d-dwejjaq tat-treatment li qed jieħu, imma wkoll mar-rigali li jirċievu.”
Carol Galea Ġenitur
Fost il-voluntiera ta’ Puttinu Cares, sabiex iqajmu l-atmosfera fl-Isptar, hemm Alison Mizzi u Caroline Spiteri – żewġ ġenituri li wliedhom fiqu mill-kanċer snin ilu, iżda xorta waħda baqgħu jgħinu, sabiex jagħtu tama lil ġenituri u tfal oħra.
“Aħna rċevejna l-għajnuna tagħna snin ilu, nafu x’jiġifieri meta tkun hawnhekk. Nixtieq inpattih billi nferraħ tfal oħra.”
“Meta konna għaddejjin minn żmien diffiċli, ovvjament sibna l-ħaddieħor fiż-żmien diffiċli, u li għamlu magħna nippruvaw nagħmlu ma’ ħaddieħor.”
Tkellimna wkoll mal-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri, li spjegat l-impenn tal-fondazzjoni sabiex tferraħ lit-tfal u lill-ġenituri.
“L-impenn tagħna huwa li nferrħuhom is-sena kollha, imma f’dawn iż-żminijiet xi ħaġa iżjed. Għamilnilhom party li stedinna anke l-aħwa fih, neħduhom attivitajiet differenti, bħal Porsche ride, bis-saħħa tal-ġenerożità tal-poplu Malti, nagħtuhom aktar minn rigal wieħed, għax imsieken ikunu l-Isptar u jkun ħaqqhom ħafna iżjed minn tfal oħrajn.”
Angele Cuschierim President ta’ Puttinu Cares
Hija tkellmet ukoll dwar kif Puttinu Cares – jibqa’ ta’ spalla għall-Maltin u l-Għawdxin, hekk kif dalwaqt se jibda’ x-xogħol fuq binja li ġiet akkwistata riċentament, fiċ-Ċentru ta’ Londra. Hija appellat ukoll lill-poplu Malti, sabiex ikun ġeneruż ma’ din il-Fondazzjoni.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, tkellimna maċ-ċkejken Thomas, li ħa l-opportunità sabiex jawgura l-poplu Malti, il-Milied it-tajjeb.
“Happy Christmas.”
Thomas Galea, Qed jingħata l-kura fir-Rainbow Ward