Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali jirreferi għal stqarrijiet u allegazzjonijiet li għamel dan l-aħħar is-Sur Matthew Maggi, li jaħdem fl-industrija tal-films.
Il-Ministru Owen Bonnici, irċieva korrispondenza nhar l-Erbgħa, 18 ta’ Diċembru 2024 mill-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) u l-Malta Producers Association (MPA) li fiha ġie infurmat li s-Sur Maggi ma jirrappreżentahom bl-ebda mod u lanqas ma jirrappreżenta s-settur kreattiv u kulturali.
Dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet infurmaw lil dan il-Ministeru illi s-Sur Maggi lanqas ma huwa membru tagħhom u għalhekk l-opinjonijiet tiegħu la jaqblu u lanqas jirriflettu l-valuri taż-żewġ assoċjazzjonijiet.
L-MEIA u l-MPA spjegaw kif bħala assoċjazzjonijiet volontarji huma jibqgħu impenjati li jaħdmu favur is-setturi tagħhom b’mod professjonali u li dikjarazzjonijiet xorta oħra, li mhumiex ġejjijn minnhom, iżda li jagħtu l-impressjoni li ġejjin minnhom, għandhom jiġu skartati.
Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali jsellem u jirringrazzja lil dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet tal-ħidma u l-impenn tagħhom lejn is-setturi tal-kultura u l-kreattività f’pajjiżna.
Dan il-Ministeru impenjat li jaħdem id f’id ma’ dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet professjonali u ma’ kull min hu serju u professjonist f’dawn l-oqsma sabiex inkomplu nsaħħuhom u nkattru l-ġid permezz tagħhom.
Issa li dan il-Ministeru huwa responsabbli mill-industrija tal-films, jinsab impenjat li jkompli jsaħħaħ din l-industrija tant important għal pajjiżna filwaqt illi jsostni u jinkoraġġixxi s-sehem kruċjali tal-producers lokali, professjonali u serji, f’dan is-settur.
Dan il-Ministeru għandu l-bieb miftuħ għal kull min huwa ta’ rieda tajba u jixtieq, b’mod ġenwin, li dan is-settur ikompli jissaħħaħ.