Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg sellem lill-ħaddiema fl-oqsma tal-ospitalità, tal-akkomodazzjoni u setturi oħra marbuta mat-turiżmu, għas-sehem tagħhom fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Maltin u t-turisti f’Malta u Għawdex dan il-Milied.
Lejlet il-Milied, id-Deputat Prim Ministru żar lukanda ewlenija f’San Ġiljan sabiex jiltaqa’ ma’ wħud mill-impjegati tagħha, u sabiex irodd ħajr lill-ħaddiema tat-turiżmu għall-impenn tagħhom waqt dawn il-btajjel. Huwa stmat li aktar minn 30,000 ħaddiema full-time u part-time se jkunu qed jaħdmu fil-lukandi, ristoranti u stabbilimenti oħra tal-ikel u x-xorb waqt il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
“Dan huwa żmien li niċċelebraw il-ferħ tal-Milied mal-qraba u l-ħbieb, iżda għal ħafna fl-industrija tat-turiżmu huwa wkoll wieħed mill-aktar żminijiet li fih ikollhom xogħol matul is-sena, b’sigħat twal ’il bogħod mill-għeżież tagħhom. Qegħdin hawn biex infaħħru d-dedikazzjoni tagħkom waqt dawn il-btajjel,” Borg qal, hekk kif ħeġġeġ lill-imprendituri biex ikomplu jinvestu fil-ħaddiema, għaliex huma ċ-ċavetta tas-suċċess u s-sostenibilità fl-oqsma tal-ospitalità u t-turiżmu fil-gżejjer Maltin fis-snin li ġejjin.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar ukoll fis-sehem tal-ħaddiema f’ħafna setturi oħrajn, fosthom dawk li jipprovdu servizzi essenzjali, li wkoll jeħtieġ jibqgħu għaddejjin bix-xogħol waqt dawn il-festi.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef akkumpanja lid-Deputat Prim Ministru waqt din iż-żjara fil-Malta Marriot Resort and Spa, it-Tlieta filgħodu. Il-President u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Tony Zahra u Andrew Agius Muscat ukoll kienu preżenti waqt din iż-żjara.
Għal aktar tagħrif, żur turizmu.gov.mt jew segwi l-media soċjali Turiżmu.