Ir-resin, il-plastik u ċ-ċeramika … dawn kollha huma materjali ta’ pasturi, li ġeneralment jinġiebu minn pajjiżi oħrajn. Wieħed jista’ jagħżel li jarma l-presepju tiegħu bi kwalunkwe pasturi li jixtieq, anke skont l-istil li bih ikun maħdum il-presepju.
Dejjem imdawrin mal-protagonisti, jiġifieri l-Bambin, il-Madonna u San Ġużepp.
Iżda minbarra x-xbiehat tal-persunaġġi, hemm dawk differenti tal-annimali, li jibqgħu wkoll sinonimi mal-presepju, mill-ħmara sal-baqra, li żammew lil Ġesù wara t-twelid, u n-nagħaġ jirgħu jew il-ġmula, li wasslu lis-Slaten Maġi ġewwa Betlem.
Materjal, li ma tantx hu komuni fil-ħadma ta’ dawn il-pasturi, hu dak tat-terrakotta.
Dwar dan tkellimna ma’ Darren Spiteri, wieħed mil-ftit artisti li jaħdmu l-pasturi b’dan il-materjal.
“It-terrakotta prattikament hu tafal li jiġi moħmi fil-forn, itella’ ċerti temperaturi, ovvjament jissoda u jiġi iżjed b’saħħtu milli kieku ħallejtu tafal komuni. Id-differenza li tal-plastik u l-oħrajn ikunu b’xi forom, jiena naħdem kollox b’idejja, jiġifieri meta nagħmel pastur ma jsirx ieħor bħalu. Kollox fuq idi, issa meta jidħol fil-forn, ovvjament ikollu preġju aktar, għax jiġi iżjed b’saħħtu x-xogħol, iservi għal iktar żmien u m’għandekx il-biża’ li jinkiser.”
Skultur Darren Spiteri
Komplejna nistaqsuh kemm ilha tinħadem it-terrakotta f’pajjiżna u jekk l-ammont ta’ dawk li jaħdmu l-pasturi b’dan il-mod huwiex wieħed kbir.
“Ilha ftit snin hawnhekk, għax qabel kien isir dak il-pastur ta’ Malta, ngħidu aħna fit-tafal, imbagħad meta l-artisti bdew jesperimentaw, jien naħdem aktar fiċ-ċokon, jiġifieri dan l-aħħar qisu ħames snin iffokajt naqra aktar naħdimhom fiċ-ċokon u ovvjament ma tantx hawn min naħdmu ħafna fuq dan ix-xogħol.”
Skultur Darren Spiteri
Hu spjegalna kemm jeħodlu ħin biex jaħdem pastur u meta jibda x-xogħol biex ilaħħaq għal dawn iż-żminijiet ta’ festi.
“Le jiena prattikament meta jkolli dawn ix-xogħlijiet nibqa’ għaddej is-sena kollha, jiġifieri meta jkun il-Ġimgħa l-Kbira nagħmel xogħol relatat mal-Ġimgħa l-Kbira. Wara l-Ġimgħa l-Kbira ’l hemm, kollox fuq il-Milied kważi l-ħin kollu.”
Skultur Darren Spiteri
Fl-aħħar nett, flimkien ma’ Darren rajna ftit mill-bosta xogħlijiet tiegħu u kellna ċans nsegwu mill-qrib parti mil-ħidma li qiegħed jagħmel fuq sett ta’ pasturi, fejn hawnhekk rajnieh ikun professjonali billi jaħdem b’reqqa u dettall liema bħalu.
Dan biex ir-riżultat ikun wieħed sodisfaċenti kemm għalih kif ukoll għal dawk li jagħtuh il-fiduċja jaħdmilhom xi sett pasturi.