F’attività annwali fil-jiem tal-Milied, il-korpi dixxiplinati u aġenziji oħra taħt il-Ministeru għall-Intern kienu impjenti fi tqassim ta’ ikel u oġġetti oħrajn importanti fil-ħajja ta’ kuljum f’diversi istituzzjonijiet li jvarjaw minn shelters għall-vittmi tal-vjolenza domestika, postijiet fejn jgħixu familji jew jitrabbew b’tant għożża t-tfal, u shelter tal-immigranti fil-Laboratorju tal-Paċi, f’Ħal Far.
Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Pulizija, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, il-Protezzjoni Ċivili, il-LESA u s-Servizzi ta’ Detenzjoni qassmu dak li ġabru huma stess f’Dar Sagra Familja u Dar San Ġużepp f’Ħaż-Żabbar, il-Milja fiż-Żejtun, St.Jeanne Antide u l-Creche f’Ħal Tarxien u l-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tenna li dawn il-ħaddiema kollha, f’dan iż-żmien tal-Milied qegħdin jaħsbu f’dawk li għaddejjin minn żminijiet diffiċli. “Il-messaġġ li aħna ngħaddu, flimkien ma’ dawn il-ħaddiema huwa dak li qalbna tħabbat ma’ dawk li jeħtieġu s-sapport,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Il-Madre Firdaus ta’ Dar San Ġużepp f’Ħaż-Żabbar, soru li ilha f’pajjiżna għal dawn l-aħħar 13 -il sena taħdem f’din il-komunità sostniet li hija kuntenta u grata ħafna għal din l-għajnuna iżda mhux biss għat-tqassim tal-ikel li bihom jiġu megħjuna t-tfal u l-familji, iżda anke għal kull darba li jkun hemm bżonn xi ħaġa fid-dar, dawn il-ħaddiema jkunu pronti u jgħinu. Il-Madre stqarret li hija tapprezza l-ħidma li jwettqu dawn il-ħaddiema fis-soċjetà tagħna.
L-Istation Officer Anthony Micallef, f’isem il-ħaddiema kollha parti minn din l-inizjattiva stqarr li din hija okkażjoni fejn il-ħaddiema li ġejjin mill-korpi dixxiplinati u l-aġenziji jingħaqdu flimkien għal għan tant importanti.