Il-kumpaniji Ġappuniżi Honda u Nissan qed jippjanaw merġer li jekk iseħħ joħloq it-tielet l-akbar kumpanija li tipproduċi karozzi fid-dinja.
It-Tnejn, il-Presidenti taż-żewġ kumpaniji Toshihiro Mibe (Honda) u Makoto Uchida (Nissan) iffirmaw memorandum of understanding (MOU) fejn elenkaw l-intenzjoni biex sa Awwissu 2026 tiġi stabbilita kumpanija komuni li potenzjalment tistabillixihom fit-tielet post tas-suq tal-karozzi wara Toyota u Volkswagen.
Honda, li bħalissa hija t-tieni l-akbar manifattur tal-karozzi fil-Ġappun, potenzjalment hija l-unika kumpanija nazzjonali li tista’ ssalva lin-Nissan, li minn mindu kien arrestat l-eks chairman tagħha Carlos Ghosn fl-2018 b’akkużi ta’ frodi u miżapproprjazzjoni ta’ fondi tal-kumpanija, ma tistax tirkupra.
Ix-xahar l-ieħor, Nissan kienet iddikjarat li se tilliċenzja 6% tal-ħaddiema, jiġifieri 9000 impjieg u li kienet se tnaqqas il-produzzjoni globali b’20% wara li rrappurtat telf fit-tielet kwart tas-sena ta’ $60 miljun.
Il-merger se jkun jinkludu wkoll l-alleanza tan-Nissan Mitsubishi Motors.
Din l-integrazzjoni taż-żewġ ditti kbar Ġappuniżi tkun tfisser l-akbar ristrutturar fl-industrija globali tal-karozzi minn meta ngħaqdu flimkien Fiat Chrysler u PSA fl-2021 biex kienet ikkreata Stellantis, ftehim b’valur ta’ $52 biljun.