Iċ-ċikkulata Cadbury ilha tgawdi l-approvazzjoni Rjali sa’ mir-Renju tar-Reġina Vittorja fl-1854 u kien dejjem irrappurtat li kienet iċ-ċikkulata favorita tar-Reġina Eliżabetta II.
Iżda issa jidher li l-Familja Rjali Ingliża mhux ser tibqa’ ssostni lil din id-ditta hekk kif ir-Re Karlu ma nkludihiex fil-lista ppublikata mill-Palazz ta’ Buckingham u r-Royal Warrant Holders Association. Filfatt jirriżulta li hija fost mitt ditta u prodott li kellhom dan il-warrant irtirat.
Din hija t-tieni lista ppublikata minn meta tela’ fuq it-tron ir-Re Karlu u issa fil-lista l-unika produtturi taċ-ċikkulata mniżżla huma Bendicks u Prestat filwaqt li l-konglomerat Nestlé qiegħda hemm ukoll. Ċikkulata oħra mneħħija mil-lista tar-Reġina Eliżabetta II hija dik tal-kumpanija lussuża Charbonnel et Walker.
Ir-Royal Warrants ilhom jingħataw mis-seklu ħmistax u jsarrfu bħala rikonoxximent formali li kumpanija jew individwu jissupplixxi prodotti jew servizzi lill-Familja Rjali. Kull warrant għandha perjodu ta’ 5 snin.
Kontroversjalment, din l-aktar ċikkulata famuża fir-Renju Unit, fl-2010 kienet inxtrat mill-kumpanija Amerikana Kraft u ftit wara parti minn negozju kien maqsum sabiex saret Mondelëz International li topera taħt Vladimir Putin. Filfatt, ir-Re Karlu kien intalab minn dimostranti tal-B4Ukraine sabiex jiddistanza ruħu minn Cadbury hekk kif sostnew li kienet fost il-kumpaniji li indirettament tikkontribwixxi għall-gwerra Russa.
Iżda d-deċiżjoni tat-tneħħija tal-warrant ma jidhirx li kienet minħabba din ir-raġuni, għax fil-lista ta’ kumpaniji li d-dimostranti ppreżentaw kien hemm ukoll Bacardi u Samsung li xorta għad għandhom ir-Royal Warrant.
Cadbury għandhom ċans sena sabiex ineħħu ir-royal warrant branding.