Ix-xena tan-nattività ta’ Kristu, magħrufa aħjar bħala presepju, għal ħafna hi xena ta’ ġrajja elfejn sena ilu, imma għall-presepist jaf tkun xi ħaġa aktar.
Għal Joseph Cassar, magħruf aħjar bħala ‘r-Ruman’, il-presepju għalih ifisser namra li, b’mod partikolari din is-sena, għenu jibqa’ reżiljenti.
“Din is-sena ġietni kif ġietni bil-mewt t’ommi u mbagħad problemi ta’ saħħa u ma stajtx, anzi laħħaqt wieħed.”
Joseph Cassar Presepist
Lil Cassar żornih fil-post fejn iqatta’ sigħat twal jaħdem dak li ilu jagħmel għal madwar tletin sena, fl-isfond ta’ presepju differenti għalih hekk kif m’għandux il-mitħna sinonima mal-presepju Malti.
“Imma din is-sena fettilli nagħmel wieħed mingħajr ma daħħalt il-mitħna, bit-tempju qisu fuq l-istil iktar simili għal dak iż-żmien.”
Joseph Cassar Presepist
Hu żied jgħidilna kif din namra li ma wiritiex minn xi qraba, anzi.
“Jien qisni ħriġt, tkun ġo fik, ifhimni dejjem minn meta kont żgħir inpinġi, qed tifhimni. Minn meta qisu kelli sbatax hekk minn dejjem kont nagħmilhom il-presepji.”
Joseph Cassar Presepist
Hawnhekk hu enfasizza l-punt li, bħala artist, dejjem jitgħallem u jispira ruħu minn affarijiet oħrajn li jara.
Din il-kwalità wasslitu biex, fi żmien il-pandemija, daħal f’kompetizzjoni nazzjonali, fost preseptisti lokali, li minnha għadda u kellu l-opportunità li jesebixxi xogħlu fil-Mużew tal-Bibbja f’Washington, fl-Istati Uniti, madankollu minħabba ċ-ċirkostanzi għażel li ma jitlax.
“Ma tlajtx, ma kontx mort imbagħad. Infatti, kelli ħbieb tiegħi marru u qaluli li kullimkien magħluq Washington. Kont niġġennen kieku mort jiena, kullimkien magħluq.”
Joseph Cassar Presepist
Minflok hu għażel li jieħu l-opportunità li jbigħ il-presepju tiegħu lid-Direttorat tal-Kultura.
Fl-invtesvista magħna, Cassar temm jgħidilna li x-xewqa tiegħu tibqa’ li din in-namra tikber fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa.
“Jiena nkun qiegħed hawn nirrilassa. Ġieli nkun hawn, daqqa jiġu xi ħbieb tiegħi nintefgħu hawn filgħaxija u ngħadduha.
Joseph Cassar Presepist