L-uffiċċju tal-istatistika fir-Renju Unit irreveda ’l isfel it-tbassir tiegħu għat-tkabbir tal-ġid tal-pajjiż, bil-Prodott Gross Domestiku għat-tielet kwart tas-sena jonqos minn 0.1% għal 0%. Dan ifisser li l-ekonomija fir-Renju Unit staġnat ruħha fix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru.
Dan ir-rapport juri wkoll li, ras għal ras, il-PGD tal-pajjiż niżel b’0.2% fit-tielet kwart ta’ din is-sena u hu bl-istess ammont hi inqas meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Sadanittant kumpaniji privati fir-Renju Unit qed jistennew li l-attività tagħhom se tkompli tonqos fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla, tant li qed ibassru li din se tkun fl-inqas livell għal dawn l-aħħar sentejn.
Dan il-pessimiżmu kien wieħed komuni fis-setturi kollha hekk kif il-kummerċ fis-settur tas-servizzi mistenni jonqos bi 18%, waqt li qed jiġi mbassar tnaqqis ta’ 13% fis-servizzi professjonali u 37% fil-bejgħ lill-konsumaturi.
Il-manifattura wkoll mistennija tonqos b’31%, l-inqas li qatt kienet sa minn żmien il-pandemija.
Il-Konfederazzjoni tal-Industrija Britannika qalet li, l-aħħar riżultati, ma tantx jawguraw tajjeb, bl-ekonomija fil-pajjiż titqies waħda mill-agħar fid-dinja, bil-kumpaniji li mistennija jnaqqsu kemm il-produttività kif ukoll l-impjiegi, filwaqt li l-prezzijiet mistennija jkomplu jogħlew.
In-negozjanti qed jibqgħu jsostnu li dan hu dovut għall-impatt tal-miżuri mħabbrin fil-baġit tal-aħħar ġimgħat, partikolarment iż-żieda tar-rata tal-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali dovuta minn min iħaddem.