Il-Milied hu żmien fejn ħafna nies jixtiequ jagħmlu sorpriżi speċjali għal dawk li jħobbu u, kultant, joħorġu bl-idea li jagħtu annimal bħala rigal. Madankollu, dan mhux dejjem ikun rigal xieraq u ’l quddiem jista’ jkollu konsegwenzi serji, mhux l-inqas għall-istess annimal stess.
L-ewwel u qabel kollox, l-annimali mhumiex ġugarelli. Meta wieħed jagħti annimal bħala rigal, dan irid jagħraf ir-responsabbiltà kbira li jġib miegħu annimal.
Il-kura ta’ annimal teħtieġ impenn fit-tul, matul is-sena kollha, mhux biss fuq livell emozzjonali, iżda wkoll f’dak finanzjarju. Wieħed għandu jikkunsidra jekk il-persuna għandhiex il-ħin, ir-riżorsi u d-dedikazzjoni meħtieġa biex tieħu ħsieb annimal, kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur.
Hekk kif annimal, partikolarment l-aktar popolari, bħal kelb jew anke qattus, jgħixu madwar 15-il sena u anke aktar.
Minbarra hekk, ħafna drabi, annimali mogħtija bħala rigali jispiċċaw ma jkunux mixtieqa. Tant li f’bosta każi jispiċċaw abbandunati f’santwarju jew saħansitra fit-triq.
Għalhekk, sakemm wieħed mhuwiex mill-aktar konvint li dan se jkollu l-aħjar trattament u kura għal għomru, minflok jagħti annimal bħala rigal tal-Milied, jaqbel jikkunsidra rigali alternattivi.
L-għażla li persuna tadotta annimal għandha ssir b’mod responsabbli ħafna.