Il-President elett tal-Istati Uniti Donald Trump, meta kien qed jindirizza l-konferenza annwali ta’ Turning Point, waħda mill-akbar għaqdiet Amerikani ta’ attivisti konservattivi, talab lill-Panama sabiex tnaqqas it-tariffi tal-Kanal ta’ Panama jew jirritornaw l-kontroll tiegħu lill-Istati Uniti, hekk kif akkużahom li qed jiċċarġjaw prezzijiet eżorbitanti lill-bastimenti Amerikani u navali.
Dan kien l-ewwel diskors tiegħu minn meta ntlaħaq ftehim fi tmiem il-ġimgħa sabiex il-Gvern Amerikan jibqa’ jopera wara li tneħħew diversi provedimenti mill-abbozz finanzjarju li kienu jinkludu dik li kienet tgħolli l-ammont ta’ dejn, fatt li ma alludiex għalih fl-ebda ħin.
B’riferenza għall-ġurament tiegħu x-xahar id-dieħel, Trump qal li dan l-abbuż fuq l-Istati Uniti se jkun qed jieqaf immedjatament.
Il-President tal-Panama, José Raúl Mulino mill-ewwel irritalja għal din id-dikjarazzjoni fejn qal li kull metru kwadru tal-kanal u l-art tal-madwar hija propjetà ta’ pajjiżu u li s-sovrenità u l-indipendenza tal-Panama ma kienux negozzjabbli.
Id-diskors min-naħa ta’ Trump kien wieħed rari minn kap Amerikan fejn insinwa li seta’ jisforza lill-pajjiż ieħor sabiex jgħaddilu territorju, minkejja li ma qalx kif kien se jagħmel dan, iżda kien indikazzjoni ta’ kif kienet se tkun qed topera l-politika barranija u d-diplomazija Amerikana meta se jkun qed jokkupa l-White House fl-20 ta’ Jannar.
Ġurnata qabel, Trump kien kiteb li l-Kanal ta’ Panama kien wieħed mill-assi nazzjonali vitali għall-Istati Uniti.
Il-Ħadd, Trump iddikjara li jekk it-tariffi tan-navigazzjoni ma kienux se jitnaqqsu, se jkun qed jinsisti li l-Kanal ta’ Panama jiġi rritornat lill-Istati Uniti kollu, malajr u mingħajr mistoqsijiet.
Il-Kanal ta’ Panama, li fih 82 kilometru, jaqsam min-nofs l-Amerika Ċentrali u huwa l-passaġġ prinċipali bejn l-oċejan Atlantiku u dak Paċifiku. Kien inbena fil-bidu tal-1900 u l-Istati Uniti kellhom il-kontroll fuqu sal-1977 meta ġie ffirmat ftehim u wara perjodu ta’ kontroll konġunt ġie taħt il-kontroll totali tal-Panama fl-1999. Kważi 14,000 vapur jgħaddu mill-kanal kull sena li jinkludu dawk tal-kontejners li jġorru l-karozzi, gass naturali u merkanzija kif ukoll vapuri militari.
Apparti l-attakki fuq il-Panama, il-President Elett kellu fil-mira tiegħu lill-Kanada u l-Messiku hekk kif qal li għandhom metodi żbilanċjati ta’ kummerċ u akkużahom ukoll li qed jippermettu t-traffikar ta’ drogi u immigranti fl-Istati Uniti.