F’partita ferm movimentata u entużjażmanti, Zabbar SP żammew lil Marsaxlokk fi draw ġust ta’ 2-2 biex b’hekk irnexxilhom jevitaw l-aħħar żewġ postijiet tal-klassifika.
Għal Marsaxlokk kien għall-ewwel darba fuq il-line-up l-ex goalkeeper tat-tim nazzjonali Taljan, Lazio, Genoa u Hamrun Sparatns fost oħrajn, Federico Marchetti, li iżda ma kienx inkluż fl-azzjoni.
Kienu Zabbar li ħolqu l-ewwel periklu fis-seba’ minuta meta Stefan Ilic dar tajjeb mal-goalkeeper ta’ Marsaxlokk Marko Drobnjak bil-konklużjoni tiegħu tiġi devjata f’corner minn difensur ta’ Marsaxlokk, biex salva goal ċert.
Ix-Xlukkjari wieġbu minuta biss wara meta Yuri De Jesus Messias kellu x-xutt tiegħu salvat f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Zabbar, Matthew Grech.
Fl-24 minuta Zabbar kellhom ferħa bla temma meta Kristian Keqi kellu rovexxjata mill-isbaħ mill-viċin li ntemmet ġewwa iżda r-referee Philip Farrugia iġġudika li l-ex attakkant ta’ Floriana kien jinsab f’pożizzjoni ta’ offside.
Marsaxlokk reġgħu ħolqu l-periklu fid-29 minuta meta Yuri de Jesus Messias kellu xutt mid-distanza li għadda ftit għoli.
U tliet minuti wara Zabbar kellhom it-tieni goal imħassar minħabba offside meta reġa’ kien Kristian Keqi li mll-viċin tefa’ ġewwa iżda l-goal tiegħu tħassar immedjatament minħabba offside.
Il-partita kompliet tisbieħ u fis-37 minuta Marsaxlokk ħolqu l-periklu meta Jake Ghio mill-viċin kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni angolata jaħbat max-xibka minn barra biex ta l-illużjoni tal-goal.
Huma komplew jiddettaw il-logħba u f’azzjoni kważi foto-kopja għal dik ta’ qabilha, Jai Quitongo, kellu l-konklużjoni tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Marsvalokk, u fil-45 minuta, wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, ALEX DE AGUILAR GOMES, b’daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin tefa’ ġewwa.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Zabbar ħarġu ferm aggressivi u mas-siegħa logħob rebħu penalty meta Lucas Emanuel Lopez waqqa’ lil Brian Ariel Gambarte fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-istess BRIAN ARIEL GAMBARTE li ra lil Drobnjak isalva parzjalment iżda l-istess attakkant ta’ Zabbar kien pront u mill-viċin tefa’ l-ballun fix-xibka.
Fis-67 minuta Yuri de Jesus Messias li kellu partita ferm pożittiva dejjem għal Marsaxlokk kellu konklużjoni minn pożizzjoni ideali li ntemmet ftit barra.
Fis-78 minuta, Marsaxlokk qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Lucas Emanuel Lopez permezz ta’ karta ħamra diretta wara daħla kerha fuq is-sostitut David Oliveira Souza li kien destinat li jkompli javvanza lejn il-lasti avversarji.
Zabbar approfitttaw mill-ewwel mill-fatt li bdew jilagħbu bi player iktar u fit-82 minuta qalbu l-iskor favurihom meta wara li rċieva minn cross mix-xellug, STRAHINJA JOVANCIC permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin tefa’ ġewwa.
Iżda d-drama kienet għadha ma ntemmitx hawn meta fil-ħin miżjud, Marsaxlokk, rebħu penalty meta l-goalkeeper ta’ Zabbar SP, Matthew Grech waqqa’ lil Yuri De Jesus Messias fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-istess YURI DE JESUS MESSIAS li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun naħa u lil Grech in-naħa opposta.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Yuri De Jesus Messias (Marsaxlokk FC)