“Benefiċċji li grazzi għalihom, inħarġu mir-riskju ta’ faqar wieħed minn kull għaxra li kienu f’din is-sitwazzjoni.”
Dan ingħad f’analiżi li għamlet il-gazzetta t-Torċa u li ppubblikat fil-faċċata tagħha l-Ħadd hekk kif din il-ġimgħa tħabbar li 97,000 familja jew kważi 190,000 persuna, se jingħataw l-ewwel minn żewġ pagamenti tal-benefiċċju addizjonali għall-għoli tal-ħajja. B’kollox dawn il-familji se jirċievu kważi €24 miljun.
Fil-fatt ġie spjegat li fuq medda ta’ ġimgħa l-familji bi tfal u l-pensjonanti, bi dħul inqas, irċevew f’għajnuna mill-Gvern b’madwar €38 miljun addizzjonali.
Intqal li minħabba li l-benefiċċju addizzjonali s-sena d-dieħla se jkun aktar ġeneruż u ngħatat mill-ġdid żieda rekord fic-children’s allowance, huwa mistenni li se jerġa’ jkun hemm tnaqqis simili fir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar.
Dan ifisser li fuq medda ta’ sentejn wieħed minn kull għaxar persuni li kienu f’sitwazzjoni ta’ riskju ta’ faqar se jkunu nħarġu minn din is-sitwazzjoni grazzi għall-benefiċċji addizzjonali u t-titjib tac-children’s allowance.
F’din l-analiżi ngħatat spjegazzjoni wkoll ta’ kif jinħadem il-mekkaniżmu tal-COLA addizzjonali hekk kif tiġi kkalkulata r-rata ta’ għoli tal-ħajja fuq l-oġġetti li l-aktar jikkonsmaw il-pensjonanti u l-familji bi dħul baxx. Ta’ min jispjega li l-medja ta’ dħul nazzjonali tinħadem skont kemm hemm membri fil-familja, u allura familji kbar jintuża kejl akbar tal-bżonnijiet tagħhom.
L-inqas li se jieħdu dawn il-familji huwa benefiċċju ta’ aktar minn €145, mentri l-benefiċċju massimu se jkun €1,500.
Madwar 28,500 koppja pensjonanti se jgawdu minn dan is-sostenn, magħhom ukoll kważi 41,800 armel jew armla. Minbarra hekk kważi 27,000 familja bit-tfal se jirċievu dawn il-pagamenti, b’tendenza li jkunu l-aktar li jirċievu ammonti sostanzjali għax il-benefiċċju jinħadem skont kemm ikun hemm membri fil-familja.
It-tieni pagament għal dan il-benefiċċju se jingħata f’Ġunju li ġej, u mistenni jilħaq €26 miljun.