L-interess personali u dirett li l-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg, qed juri f’kull fażi tal-iżvilupp privat fil-Forti Chambray, fil-limiti ta’ Għajnsielem, qanqal dubji serji fl-aħħar jiem fi ħdan il-Partit tiegħu stess.
Fost dawk li għokrithom għajnhom għal dan, tkellmu ma’ ONE News fejn esprimew il-konfużjoni tagħhom meta rreferew partikolarment għall-fatt li Borg m’għandux is-sostenn tal-Partit ta’ Bernard Grech biex jitkellem favur il-proġett, waqt li l-Partit Nazzjonalista stess għadu lanqas esprima l-fehma uffiċjali tiegħu.
Borg, magħruf għall-pompożità tiegħu, mhux l-inqas fuq il-midja soċjali, fl-aħħar jiem ħareġ aktar minn triqtu biex jiddefendi l-proġett li qed jiġi propost, daqslikieku kien xi proġett tiegħu stess.
Għamel dan, anke waqt li kien mistieden f’dibattitu ta’ Jon Mallia fejn tkellem b’ċerta konvinzjoni dwar dak li kellhom f’moħħhom l-iżviluppaturi u anke x’jiġri jekk dawn ma jimxux ma’ dak li hu ddikjarat fil-kuntratti li jorbtu kull żvilupp fis-sit storiku.
Dan l-iżvilupp fil-Forti Chambray, wara numru ta’ snin, se jara l-ħolqien ta’ lukanda ta’ ħames stilel, numru ta’ appartamenti u aċċess pubbliku għal pjazza u l-foss tal-fortifikazzjoni, waqt li barracks ta’ żmien l-Ingliżi se jinħatt biex jerġa’ jintrama f’post ieħor.
Is-Sindku attwali Nazzjonalista tal-lokalità t’Għajnsielem, Kevin Cauchi, ukoll tenna kif il-qbil tal-Kunsill għal dan l-iżvilupp kien l-aħjar għażla, waqt li ġġustifika l-bidla fil-ħsieb ta’ snin ilu.
Żewġ applikazzjonijiet, li ddaħħlu mill-iżviluppatur Michael Caruana f’isem Fort Chambray Ltd, għadhom kemm ġew approvati b’ħames voti kontra tnejn mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, f’seduta fit-12 ta’ Diċembru li ħadet iżjed minn tliet sigħat. Dan ukoll b’konformità mal-permess approvat fl-2012 taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista.
Eżatt qabel din l-istess seduta, jirriżulta lil ONE News li l-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għamel lobbying u anke pressjoni ma’ wħud minn dawk li kellhom dmir jivvotaw biex jaqblu mal-proġett.
Dan minbarra li, kif inhu diġà magħruf, Borg ukoll ivvota favur it-trasferiment tal-art f’kumitat Parlamentari fl-aħħar xhur.
Minkejja dan, l-Oppożizzjoni jew il-Kap Bernard Grech għadhom iridu joħorġu fil-pubbliku jgħidu l-pożizzjoni tagħhom dwar dan kollu.
Din il-ġimgħa stess, l-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa appellat lill-Partit Nazzjonalista biex jieħu pożizzjoni fuq il-pjani li hemm b’rabta mal-iżvilupp tal-Forti Għawdxi.