Żewġ sewwieqa ta’ mutur ittieħdu l-isptar għall-kura wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq is-Salini, Naxxar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9:30 ta’ dalgħodu u kienu involuti tliet muturi u karozza misjuqa minn Ġermaniża.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma li l-inċident seħħ wara li mutur minnhom skiddja u kellu impatt mal-bqija tal-vetturi oħra.
Raġel ta’ 40 sena mill-Imqabba, li kien qed isuq mutur tat-tip Honda u raġel ieħor ta’ 31 sena residenti Ħal Qormi u kien qed isuq mutur tat-tip Aprilia ittieħdu l-isptar b’ambulanza fejn ġew iċċertifikati bi ġrieħi serji u ġrieħi ħfief, b’mod rispettiv.
Barra minn hekk, raġel ieħor ta’ 29 sena minn San Pawl il-Baħar li kien qed isuq it-tielet mutur tat-tip Yamaha u Ġermaniża ta’ 27 sena li kienet qed issur il-vettura tat-tip Mercedes, ma weġġgħux kawża tal-inċident.
Il-parti tat-triq fejn seħħ l-inċident ingħalqet għal xi ħin bit-traffiku ingħadda minn triq biswit, bil-konsegwenza li nġema xi traffiku fiż-żona.
B’rabta mal-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud.