Chris Bonello, il-pulizija li weġġa’ serjament wara li karozza baqgħet dieħla fih meta kien qed jibdel puncture fil-Gudja, qaleb għall-aħjar u anke kiteb għall-ewwel darba fuq il-midja soċjali.
L-inċident kien seħħ fit-13 ta’ Diċembru li għadda, fejn għall-ħabta tat-7.45pm, f’Dawret il-Gudja, il-pulizija minn Birżebbuġa kien wieqaf wara li l-karozza li kien qed isuq ħadet puncture u vettura misjuqa minn raġel ta’ 50 sena mill-Gudja baqgħet dieħla fih.
Waħda mill-aktar affarijiet importanti li appellaw għalih il-familja ta’ Bonello wara li ddaħħal l-Isptar Mater Dei isofri minn ġrieħi serji, kien li l-pubbliku jagħti d-demm ħalli jgħinuh.
Fuq il-mezzi soċjali, Bonello ftit tal-ħin ilu qal li fortunatament il-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-aħjar u li ħareġ mit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU), fejn għadu qed jingħata l-kura . Qal kif b’rispett u gratitudni, qed jitlob lil dawk viċin tiegħu biex ma jagħmlux żjarat l-isptar bħalissa. Dan qal li qed jitolbu biex jpoġġi s-saħħa u r-riabilitazzjoni tiegħu fuq quddiem.
B’nota lill-midja u lil kulħadd, Bonello qed jitlob biex jintużaw il-pjattaformi soċjali biex tinġibed l-attenzjoni dwar il-bżonn tad-donazzjonijiet tad-demm.
Ejja nxerrdu messaġġ ta’ pożittività u nagħtu prominenza lil azzjonijiet li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet, minflok niffokaw fuq aspetti negattivi
Chris Bonello