Minn din is-sena l-pulizija se jibdew jirċievu l-ewwel ħlasijiet dovuti lilhom marbuta mal-overtime bl-arretrati li jmorru lura bejn l-1993 u l-2009. Dan wara li f’konformità mal-programm elettorali, il-Gvern stħarreġ u ddiskuta mal-unions konċernati sabiex fuq medda ta’ snin jibda jingħata kumpens adegwat lill-pulizija għall-ħin addizzjonali li ħadmu bejn is-snin imsemmija u li baqgħu qatt ma tħallsu tagħhom.
Dan intqal mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela f’ċerimonja li fiha 39 pulizija ħadu l-ħatra ta’ pulizija part–time magħrufa aħjar bħala pulizija tar-riserva.
Il-Ministru Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ferħu lill-membri l-ġodda li wara karriera twila fil-Korp għażlu li jkomplu joffru s-servizz tagħhom għall-protezzjoni tas-soċjetà fuq bażi part–time. Il-Ministru ħeġġiġhom biex b’rieda jservu ta’ support fil-branki speċjalizzati u fid-distretti li se jkunu assenjati fihom, filwaqt li tkellem ukoll dwar l-irwol importanti tal-pulizija tad-distretti, partikularment fir-realtajiet li qed ngħixu fihom illum il-ġurnata fejn il-kuntatt man-nies wiċċ imb wiċċ jibqa’ l-aktar effettiv.
Il-Ministru Carmelo Abela spjega li l-Gvern għaraf il-potenzjal ta’ metodoloġija li tlaqqgħa l-entużjażmu tar-rekluti l-ġodda meqjusa bħala d-demm ġdid, mal-esperjenza tal-veterani li jkollhom ħafna għarfien u ħiliet f’xogħol pulizjesk li kisbu matul is-snin u li jistgħu jaqsmu man-novizzi. Dan hu metodu ieħor ta’ kif din is-sinkronizzazzjoni tal-abbiltajiet tista’ sservi bħala servizz ta’ kwalità ogħla kemm għaċ-ċittadini kif ukoll fix-xogħol investigattiv.
Il-Ministru Abela qal li grazzi għal din il-proċedura utilizzata, il-Korp qed jibbenefika minn total ta’ 133 kuntistabbli tar-riserva li ddeċidew li jkomplu jkunu ta’ servizz u rrispondew għall-applikazzjonijiet.
“Għarafna li l-imħabba lejn l-uniformi u lejn is-servizz hi vokazzjoni li mhix waħda li faċli twarrbuha. Użaw dan iċ-ċans li ġie mogħti lilkom biex tkunu spalla ta’ gwida għal pariri siewja lill-kollegi iżgħar”, ikkonkluda l-Ministru Abela.
Id-39 pulizija tar-riserva se jaħdmu minn 23 siegħa fil-ġimgħa sa massimu ta’ 35 siegħa fil-ġimgħa. Matul il-proċess tal-ingaġġ l-applikanti eliġibbli ġew intervistati minnboard ta’ għażla u evalwati dwar oqsma relatati mal-karriera tagħhom fis-servizz fosthom ir-reati dixxiplinarji, il-motivazzjoni tagħhom, il-personalità, l-għarfien u l-ħila pulizjeska filwaqt li ġew eżaminati medikament mit-tabib tal-Korp.