Aktar kmieni dalgħodu, fil-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella tressaq Christian Cumbo ta’ 41 sena mixli li f’temp ta’ ħamest ijiem wettaq serqiet fi tlett iħwienet f’Ħal Balzan, Tas-Sliema u Birkirkara fejn seraq l-ammont totali ta’ madwar €400.
Cumbo ġie mixli ukoll li żamm persuna kontra l-volonta tagħha filwaqt li kellu sikkina fil-pusess tiegħu.
Fil-qorti ntqal li f’Ġunju li għadda l-akkużat daħal l-ewwel fil-ħanut ta’ Ħal Balzan b’wiċċu mgħammad fejn hedded lil sid il-ħanut b’sikkina filwaqt li seraq madwar €250. Jumejn wara, Cumbo seraq €125 mill-ħanut ta’ Tas-Sliema u jumejn wara seraq ftit inqas minn €23 minn ħanut tal-logħob f’Birkirkara.
Għal dawn l-akkużi, hu wieġeb ħati bil-qorti tordna li jiskonta sentenza ta’ 26 xahar priġunerija filwaqt li ġie mitlub jħallas l-ispejjeż tal-Qorti u jrodd lura dak li seraq.