L-ombudsman tal-UE, Emily O’Reilly, iddeskriviet kultura ta’ nuqqas ta’ trasparenza fil-quċċata tal-Kummissjoni Ewropea, u xeħtet it-tort fuq il-president tagħha, Ursula von der Leyen.
O’Reilly li serviet f’din il-kariga għal aktar minn għaxar snin, issa se tkun qed tħalli din il-kariga.
Hi kienet qed titkellem mal-ġurnal influwenti Politico.
O’Reilly qalet li matul il-11-il sena tagħha ma ltaqgħetx darba ma’ Von der Leyen, u “qatt ma kienet komda” mal-“advisors influwenti iżda mhux eletti” li jpoġġu fil-kabinett tal-president tal-Kummissjoni.
Sejħet in-nuqqas ta’ ħeġġa tal-Kummissjoni Ewropea meta tiġi biex tgħaddi d-dokumenti, u qalet li x-xejra hija “inkwetanti.”
O’Reilly kritikat il-Parlament Ewropew immexxi minn Roberta Metsola talli ma żammx lill-Kummissjoni responsabbli u kontabbli, u ħeġġet lill-istess Parlament biex jiftakar fir-rwol tiegħu ta’ sorveljanza.
“F’diversi okkażjonijiet, l-MEPs staqsewni, kif nistgħu nagħmlu lill-Kummissjoni aktar responsabbli? Kif nistgħu nġibuhom jagħtuna d-dokumenti li għandna bżonn? Kif nistgħu nġibuhom ikunu miftuħa dwar dan, dak jew l-ieħor? U għedt, dawn lili qed jistaqsu?” qalet L-ombudsman uxxenti.
“Jien l-ombudsman, bi 80 persuna… Huma l-istituzzjoni li suppost iżżomm lill-Kummissjoni responsabbli, allura jekk qed jitolbuni parir, naħseb li dan huwa ta’ tħassib,” temmet tghid O’Reilly.