F’partita li ħadet il-ħajja fit-tieni taqsima, b’wirja ta’ karattru, Floriana, għelbu lil Birkirkara bl-iskor minimu ta’ 1-0 biex b’hekk rebħu l-ewwel fażi tal-Malta Premier.
Kienet rebħa meritata għall-Greens li ddominaw teritorjalment il-partita għall-ħinijiet twal tul id-90 minuta, b’Birkirkara jonqsu milli jimpressjonaw, fejn ħolqu azzjoni waħda biss denja ta’ nota lejn tmiem il-partita, biex wara t-telfa ta’ 2-0 kontra Hibernians, din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għalihom.
Birkirkara kellhom lil Alessandro Coppola sospiż, waqt li Floriana kellhom lil Fernandinho nieqes minħabba l-istess raġuni. Dan filwaqt li l-Istripes kienu msaħħa bir-ritorn ta’ Alex Satraiano u Maxuell Maia wara li servew logħba sospensjoni.
Kienu Floriana li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss ħames minuti, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Dunstan Vella għadda ftit barra.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground fejn ma ġiet innutata l-ebda azzjoni oħra denja ta’ nota.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Floriana, ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-47 minuta fetħu l-iskor hekk kif f’azzjoni maħduna bizzilla, Matias Nicolas Garcia provda l-assist lil CARLO ZAMMIT LONARDELLI li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u erba’ minuti wara Jake Grech avvanza tajjeb fil-kaxxa iżda ra lill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara Giacomo Volpe isalva tajjeb minn mal-art.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Greens u fil-61 minuta, daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Oualid El Hasni li kien żmarkat għal kollox għaddiet ftit barra.
Il-Greens kellhom f’saqajhom il-ballun tat-tieni goal fis-87 minuta meta Franklin Sasere dar tajjeb ma’ player avversarju iżda kellu x-xutt tiegħu mill-viċin jintemm ftit barra.
Birkirkara wieġbu għall-ewwel darba fil-ħin miżjud permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Gislain Yikpe li ġie salvat b’diffikultá minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Floriana, Christoffer Mafoumbi.
Floriana komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita mingħajr xkiel.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Carlo Zammit Lonardelli