Reazzjoni ferm pożittiv fost il-ħaddiema tas-saħħa f’pajjiżna għall-aħbar li ħareġ it-tender għall-espansjoni u żvilupp tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Ikkonferma dan il-Ministru għas-Saħħa nnifsu Jo Etienne Abela, f’kumment li ta lil dan l-istazzjon barra l-emerġenza u biswit il-post fejn se jsir dan il-proġett massiċċ.
Fost l-oħrajn huwa spjega x’se jinvolvu dawn ix-xogħlijiet ferm kruċjali għall-qasam tas-saħħa ta’ Malta.
“Il-proġett huwa maqsum fuq żewġ binarji, l-ewwel binarju huwa l-espansjoni tal-emerġenza li qed taraw warajja, dik il-parti tal-proġett biss biss ħa tirdoppja l-ispazju li għandna fl-emerġenza bħalissa, imma t-tieni parti tal-proġett huwa l-bini ta’ unit ta’ psikjatrija akuta għas-saħħa mentali fuq il-bini li qed taraw warajja, b’130 sodda.”
JO ETIENNE ABELA
Il-Ministru għas-Saħħa nnota kif f’dan kollu se naraw l-integrazzjoni ta’ żewġ dipartimenti fl-isptar ewlieni ta’ pajjiżna.
“Għandek l-integrazzjoni tas-saħħa fiżika u mentali, jiġifieri qed nitkellmu fuq proġett massiv, €80 miljun li minnhom hemm ammont sostanzjali minn fondi Ewropej, l-ispeċjalisti tal-Emerġenza u psikjatrija u infermiera, etc iriduh dan il-proġett bħal ma jridux in-nies ta’ pajjiżna.”
JO ETIENNE ABELA
Dan l-iżvilupp estensiv għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità tal-isptar u jtejjeb is-servizzi, b’mod partikolari fil-kura tas-saħħa mentali u t-trattament tal-emerġenza. Is-sit ikopri żona totali ta’ 7,100 metru kwadru – il-volum skavat huwa ta’ 10,500 metru kubu.